Jason Azzopardi sfida pubblikament lill-Prim Ministru biex jippublika l-fajls kollha relatati mal-espropjazzjoni tal-art fil-Fekruna kif ukoll dawk li għandhom x'jaqsmu mal-każ ta' Cafè Premier, sa dalgħodu.
Dan intqal waqt il-programm Reporter, immexxi minn Saviour Balzan fuq TVM, meta kien qed jiġi diskuss il-każ tax-xiri ta' Cafè Premier. Waqt l-istess programm, il-kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi qal li dan il-każ "għandu xamma kbira ta' korruzzjoni" u li dan huwa l-akbar skandlu li fih kien involut direttament il-Prim Ministru. Għal dan, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Simplifikazzjoni tal-Proċess Amministrattiv wieġeb li hemm bżonn li dawn l-akkużi jiġu msaħħa bi provi u mhux tintefa' akkuża, kif ġie ġie.
Issemmew bosta każi ta' xiri ta' art fil-passat mill-Gvern taħt amministrazzjoni preċedenti sabiex jitqabblu mal-każ ta' Cafè Premier, bħal każi tal-Fekruna u tal-Jumbo Lido, li għal dan, il-kelliem tal-Oppożizzjoni qal li ma kienx hemm xi involviment politiku jew sar sabiex jitgawda mill-pubbliku.
Is-Segretarju Parlamentari, Michael Falzon iġġustifika dak li seħħ fil-każ ta' Cafè Premier meta qal li l-prezz li tħallas kien wieħed ġust, il-prezz ta' commission li tħallas huwa inkluż fil-prezz totali ta' €4.2m u finalment li l-Biblijoteka issa mhux se tibqa' bi kċina taħtha. Minkejja dan, Falzon qal li kieku kellu jkun hemm xi każ ieħor simili, il-Gvern kien isegwi l-punti msemmija fir-rapport tal-Awditur Ġenerali.