L-imħallef Giovanni Bonello maħtur bħala kap tal-Qorti tad-Droga

L-imħallef se jkun qed imexxi l-Bord tar-Riabilitazzjoni għall-persuni li jinqabdu bid-droga

L-Imħallef Giovanni Bonello u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici. (Ritratt: Ray Attard)
L-Imħallef Giovanni Bonello u l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici. (Ritratt: Ray Attard)

L-eks imħallef tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem Giovanni Bonello inħatar sabiex imexxi l-Bord ta' Riabilitazzjoni għall-persuni li jinqabdu bid-Droga. Dan il-Bord wasal bis-saħħa tal-liġi fuq id-Dipendenza tad-Droga li tgawdi minn sapport unanimu mill-membri parlamentari u li ġie ffirmat mill-President.

Din il-liġi mistennija tidħol fis-seħħ fil-15 ta' April u se tinkludi l-ħatra ta' Kummissarju għad-drogi li se jkun qed jilqa' persuni li jkunu inqabdu b' 2 grammi droga jew inqas u individwi li jinqabdu b' 3.5g jew inqas ta' kannabis.

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici ħatar lil Vicki Scicluna fil-kariga tal-Kummissarju għad-Drogi. F'każ li l-persuni jkunu qed jidhru quddiem il-Kummissarju għat-tieni darba fi żmien ta' sentejn, se jkunu qed jintbagħtu quddiem il-Bord, li jinkludi lil Romina Baldwin, Mariella Camilleri u Leonard Manicolo.

Permezz tal-liġi l-ġdida, persuni li jinqabdu b'2 grammi jew iktar sa madwar 250-300 gramma se jidhru qiddiem maġistrat minflok bi proċess bil-ġurati.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Owen Bonnici qal, "Dawk il-vittmi ġenwini tad-droga, nagħtuhom iċ-ċans li jqumu fuq saqajhom u jkomplu b'ħajjithom."

Min-naħa tiegħu, l-imħallef Bonello ddeskriva din il-liġi bħala esperiment, minħabba li "l-battalja kontra d-drogi ma kinetx qed tintrebaħ. Il-metodi tradizzjonali ta' repressjoni ma kinux qed jagħtu r-riżultati meħtieġa."

"Min hu vittma tad-droga,...huwa iktar problema soċjali milli huwa problema kriminali," kompla jghid Bonello.

 

More in Politika