Owen Bonnici kkonfortat bil-prezz imħallas għal Cafè Premier

"Jien ikkonfortat bil-fatt li l-prezz imħallas huwa aħjar mill-istima tal-Awditur Ġenerali" Owen Bonnici

Il-Ministru tal-Ġustizzja ddefenda l-ħlas ta' €4.2m għall-akkwist ta' Cafè Premier meta qal li hu kkonfortat bil-prezz imħallas għaliex skontu, "kien hemm 'value for money'".

Meta mistoqsi dwar il-każ ta' Cafè Premier, il-Ministru kompla jgħid li l-problema ġiet indirizzata u solvuta billi sar dan il-qbil biex b'hekk il-propjetà issa qiegħda lura għand il-Gvern.

Minkejja dan, il-Ministru saħaq li "t-tagħlim li tana l-Awditur Ġenerali għandna nieħdu nota tiegħu sabiex ċertu żbalji ma jiġux ripetuti, fejn hu stess daħal fid-dettall ta' dak li qal l-Awditur Ġenerali.

Bonnici tkellem ukoll dwar il-fatt li meta l-Gvern ikaxkar saqajh biex jieħu xi deċiżjoni, dan jiġi kkritikat imma jiġi kkritikat ukoll meta jieħu deċiżjoni malajr.

Il-Ministru temm  billi qal li huwa l-aħjar li jittieħdu d-deċiżjonijiet ħalli pajjiżna jimxi 'l quddiem.

More in Politika