Shareholder ta' Cafè Premier ta donazzjonijiet lill-PN

Mario Camilleri, wieħed mis-sidien ta' Cities Entertainment ċaħad li qatt ta xi donazzjoni lill-PL

Mario Camilleri kien ta donazzjonijiet lill-PN qabel l-elezzjoni tal-2013
Mario Camilleri kien ta donazzjonijiet lill-PN qabel l-elezzjoni tal-2013

Mario Camilleri, wieħed mis-sidien ta' Cities Entertainment Ltd. ċaħad li qatt ta xi donazzjoni lill-Partit Laburista. Minflok, Camilleri li jiġi wieħed mis-sidien tal-kumpanija li l-Gvern ħallas €4.2m biex jieħu lura l-proprjetà mingħandu, qal li hu kien donatur tal-Partit Nazzjonalista.

F'kummenti li Camilleri ta lil gazzetta The Times, hu ċaħad li dan il-ftehim kellu b'xi mod x'jaqsam mal-elezzjoni. "Jiena qatt ma tajt jew kont mistenni nagħti ċenteżmu lill-Partit Laburista, kemm bħala Mario Camilleri kif ukoll permezz tal-kumpaniji tal-familija," sostna Camilleri.

Camilleri qal li hu kien ta donazzjoni ta' €1,000 lil Lawrence Gonzi li dak iż-żmien kien Prim Ministru u s-segretarju ġenerali Paul Borg Olivier ftit qabel l-elezzjoni tal-2013 u €1,000 lill-kandidat għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Francis Zammit Dimech fl-aħħar elezzjoni.

Mill-€4.2m li tħallsu mill-Gvern, il-kumpanija ħallset kontijiet b'lura, kirjiet, taxxi, VAT u €2.5m f'self mill-bank.

Il-flus li ingħata Camilleri bħala commission, qal li intużaw biex jitħallas 'shareholder's loan'. Hu ċaħad li dawn il-flus li tħallsu f'commission qasamhom ma' xi ħadd ieħor.

Camilleri sostna li kien offra ftehim simili lill-amministrazzjoni preċedenti sabiex tinxtara lura l-proprjetà imma Mario de Marco, li f'dak iż-żmien kien ministru tat-turiżmu, wieġeb li ż-żmien kien wisq viċin l-elezzjoni biex jintlaħaq qbil bħal dan. 

Qal ukoll li s-sieħeb tiegħu, Neville Curmi ma xtaqtx li jsiru ftehimiet ma' Joseph Muscat u kien min-naħa ta' Camilleri stess li ddeċieda li jibda n-negozjati mal-Gvern Laburista.

Camilleri qal ukoll li hu ltaqa' tlett darbiet ma' Muscat qabel l-elezzjoni imma Cafè Premier qatt ma ġie diskuss.

More in Politika