Jitnieda proġett pilota bl-isem Golf to Schools

Proġett pilota li qed isir fl-iskejjel

Proġett pilota li qed isir fl-iskejjel
Proġett pilota li qed isir fl-iskejjel

“Irridu nqajmu kuxjenza fit-tfal tagħna li hawn tipi ta’ sport differenti u li wieħed jista’ jkun attiv mhux biss billi jilgħab il-futbol”. Dan qalu llum is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, iż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius waqt it-tnedija tal-proġett pilota Golf to Schools li qed isir mill-Malta Golf Association.
 
Is-Segretarju Parlamentari wera x-xewqa li aktar dixxiplini sportivi differenti jkunu inklużi fil-kurrikulu tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel, però aċċenna li l-assoċjazzjonijiet għandhom juru impenn u konsistenza fl-involviment tagħhom. 
 
Il-President tal-Malta Golf Association William Beck, qal li l-isport tal-golf ilu jiġi prattikat f’Malta 128 sena u dejjem kien assoċjat mal-imperu Ingliż. Huwa spjega kif dan l-isport diġà jipprattikawh 7 miljun persuna madwar l-Ewropa, numru li juri kemm dan l-isport jista’ jkun prattikat minn kulħadd. Il-Malta Golf Association ħasbet li tipprovdi l-għodda lill-għalliema tal-edukazzjoni fiżika fl-iskejjel primarji sabiex dawn jutilizzawha fil-lezzjonijiet tagħhom. Dan il-ġest mhux biss ser ikun qed jagħti spinta lil dan l-isport partikolari, però ser ikun qed jgħin ukoll fl-iżvilupp tal-ħiliet u l-imġiba ta’ dawn it-tfal.  
 
Il-proġett pilota qed isir fl-iskejjel primarji tal-Kulleġġi San Ġorġ Preca u Santa Margerita. Waqt it-tnedija t-tfal preżenti setgħu jużaw l-apparat relatat mal-golf li ngħata lil kull skola primarja ta’ dawn iż-żewġ kulleġġi. F’dawn l-aħħar jiem l-għalliema tal-kulleġġi ngħataw taħriġ fuq il-logħba mill-espert Chris Smith li nġieb apposta għal din l-okkażjoni.

More in Politika