"Tkellimt mal-membri parlamentari Laburisti u nies involuti fil-Partit Laburista u kollha ċaħdu li għandhom kontijiet involuti fil-każ ta' Swissleaks," sostna l-Prim Ministru, Joseph Muscat waqt konferenza tal-aħbarijiet f'Kastilja dwar il-każi ta' Swissleaks.
Fost in-nies involuti fil-każi ta' Swissleaks, li jinkludu lill-eks Ministri Nazzjonalisti Ninu Zammit u Michael Falzon, hemm 71 klijent li huma bbażati f'Malta, li 24 minnhom għandhom passaport Malti.
Il-Prim ministru qal li l-lista bl-ismijiet ta' dawk il-persuni Maltin li għandhom kontijiet fil-banek Żvizzeri ingħatat lill-awtoritajiet Maltin, bil-proċess li jsir dan beda xhar ilu meta iltaqa' mal-President Franċiż, Francois Hollande. Minkejja li kien magħruf sa mill-2010 li l-lista kienet tinsab għand l-awtoritajiet Franċiżi, Malta qatt ma talbet li din il-lista tiġi mgħoddija.
"Tajt struzzjonijiet immedjati lill-Kummissarju tat-taxxa biex jibda bl-investigazzjoni tiegħu. Din l-investigazzjoni għandha tingħata l-ogħla prijorità," żied jgħid Muscat.
Il-Prim Ministru qal li anke hu bħala Prim Ministru ma jkunx jista' jkollu aċċess għall-informazzjoni, imma jkun jista' jitlob lill-Kummissarju tat-Taxxa biex jgħaddilu l-ismijiet ta' dawk in-nies involuti li jkunu esposti politikament. Muscat kompla jgħid li l-lista ta' dawn in-nies esposti politikament, jekk hemm, se jiġu ppubblikati u mitluba jirriżenjaw mill-kariga li jkunu jokkupaw.
Muscat żied jgħid li mhux kull min għandu ismu fuq il-lista ta' nies involuti, jfisser li għamel xi ħaġa ħażina, speċjalment jekk il-kontijiet ikunu ġew iddikjarati.