Fondi għall-proġetti kapitali għall-Kunsilli Lokali
Ħareġ ċar li la kien hemm trasparenza u lanqas proċess ġust – Paul Gatt, ANSEK
More in Politika
Ħareġ ċar li la kien hemm trasparenza u lanqas proċess ġust – Paul Gatt, ANSEK
L-Assoċjazzjoni Nazzjonali tas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali u Reġjuni (ANSEK) esprimiet it-tħassib tagħha għall-mod kif tmexxa l-proċess u tqassmu l-fondi għall-proġetti kapitali.
“Minkejja li l-Kunsilli Lokali kienu mwegħeda proċess trasparenti u ġust, minn dak li rnexxielna nisimgħu fuq il-mezzi tax-xandir, ħareġ ċar li la kien hemm trasparenza u lanqas proċess ġust.” Dan qalu Paul Gatt – President tal-ANSEK fi stqarrija.
Gatt qal li dan il-proċess wassal għal tensjoni u stress inutli għas-Segretarji Eżekuttivi tal-Kunsilli Lokali. “Is-sottomissjonijiet saru b’sagrifiċċju kbir, fi żmien diġà impenjattiv, fejn f’inqas minn xahar kellhom jissottomettu l-applikazzjoni.” Gatt spjega li għal dawn il-proġetti l-Kunsilli Lokali kienu mistennija jissieħbu mas-settur privat u għalhekk ix-xogħol tas-Segretarju Eżekuttiv sar aktar diffiċli u iebes.
“F’laqgħa li saret apposta kien espress ukoll li din l-iskema kienet intiża biex il-Kunsilli Lokali jwettqu proġetti kapitali kbar li permezz tal-fondi normali tagħhom ma kienx possibli li jwettquhom.” Paul Gatt saħaq li l-proġetti magħżula kienu relattivament żgħar u li ħafna minnhom jaqgħu ħafna fil-kompetenza tal-Kunsilli Lokali.
“Eżempju klassiku huwa l-għoti ta’ €20,000 biex Kunsill Lokali jagħmel settijiet ta’ belisha beacons ma’ zebra crossings meta tali Kunsill Lokali huwa wieħed b’baġit mill-ikbar.” Gatt kompla jgħid li Kunsilli Lokali ngħataw ukoll fondi għal proġett partikulari filwaqt li Kunsilli Lokali oħra li applikaw għal proġett għal kollox identiku ma ħadu xejn.
“Il-Kunsilli Lokali għadhom sal-lum ma ngħatawx lista tal-proġetti kif tqassmu, kemm u raġuni għal xiex ingħataw. Dawk li ma bbenefikawx ingħataw id-dritta li, fi żmien għaxart ijiem, jappellaw mid-deċiżjoni. Dan minkejja li dak inhar stess filgħodu l-Kunsilli Lokali li bbenefikaw ingħataw il-commitment letter.”
Il-kelliem qal li l-Bord tal-Għażla lanqas ma kellu d-diċenza jinforma lill-Kunsilli Lokali minn min hu kostitwit il-Bord tal-Appell u fejn wieħed seta’ jappella. “Huwa ovvju li wieħed ma jista’ qatt ikollu fiduċja fl-appell u li l-Bord tal-Appell huwa biss paraventu għall-proċess skorrett.”
Paul Gatt qall li l-ANSEK tqis ukoll kundannabbli l-fatt li l-konferenza stampa, fejn fiha tqassmu lcommitment letters saret bl-għaġġla u bilfors wieħed idaħħal is-suspetti li kien hemm skop wara din l-għaġġla. “Huwa tal-mistħija li, kontra kif dejjem sar, f’affarijiet bħal dawn jinħarġu stedin uffiċjali u li għalihom ikunu mistiedna kemm is-Sindki kif ukoll is-Segretarji Eżekuttivi. Żgur li mhux aċċettabbli stedina ġurnata qabel lis-Sindku permezz ta’ telefonata!.”
Gatt temm jgħid li huwa evidenti li l-proċess kollu, mill-bidu sal-aħħar kien skorrett u jixhed in-nuqqas kbir ta’ rispett lejn il-Kunsilli Lokali mill-istess Ministeru li huwa responsabbli mill-Gvern Lokali. “ANSEK tappella għalhekk lill-Gvern biex ma jibqax aktar jaġixxi b’dan il-mod fil-konfront tal-Kunsilli Lokali u jtihom ir-rispett li jixirqilhom.”