Żieda ta' 7.6% tal-produzzjoni industrijali fuq is-sena ta' qabel

L-ogħla żieda fil-produzzjoni industrijali f'aktar minn sentejn

F’Jannar 2015, il-produzzjoni industrijali għoliet b’7.6% fuq l-ammont prodott sena qabel. Din kienet l-ogħla żieda fil-produzzjoni industrijali ta’ pajjiżna f’aktar minn sentejn.

Kien osservat tkabbir ta’ 19.4% fil-produzzjoni ta’ oġġetti għall-konsum u 4% fi prodotti intermedjarji meta mqabbel ma’ sena ilu. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, f’dawn l-aħħar tnax-il xahar, kien hemm seba’ xhur li fihom kien hemm tkabbir xahar fuq xahar fil-produzzjoni industrijali.

Din l-informazzjoni torbot sew mat-tkabbir ta’ 136 impjegat full-time fis-settur tal-manifattura fl-amministrazzjoni preżenti. Dan speċjalment meta wieħed iżomm f’moħħu li, fl-istess perjodu taħt l-amministrazzjoni preċedenti, kien hemm tnaqqis ta’ 120 impjegat. L-istess meta wieħed jikkunsidra li mill-1998 ‘l hawn Gvernijiet preċedenti kienu ħallew l-impjiegi fil-manifattura jonqsu b’11, 500 jew b’aktar minn terz.

Bil-miżuri li qed jieħu dan il-Gvern, l-industrija Maltija u Għawdxija qed tieħu n-nifs li kellha bżonn. Dan huwa kkonfermat anke mill-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea fost azjendi industrijali. Fi Frar, il-livell ta’ kunfidenza fost l-azjendi Maltin u Għawdxin kien it-tielet l-ogħla fl-Unjoni Ewropea. Maġġoranza ta’ 42% tal-azjendi industrijali sostnew li qed jistennew ordnijiet ogħla fix-xhur li ġejjin filwaqt li 39% qalu li se jkunu qed iżidu l-impjiegi.

 

More in Politika