Attivisti tal-kampanja tal-LE nġabru f’Birkirkara lbieraħ filgħodu ltaqgħu f’Birkirkara biex jindirizzaw lill-istampa u jqassmu fuljetti lill-membri tal-pubbliku, meta kaċċatur resaq fuq attivista minnhom. Immedjatament kif raw hekk, persuni oħra daħlu biex jippruvaw jikkalmaw is-sitwazzjoni imma t-tfajla sofriet minn xokk qawwi. Il-kaċċaturi imbagħad ħadulhom il-fuljetti u tawhom in-nar quddiem il-knisja.
Kelliem tal-kampanja SHout, Mark Sultana qal “Aħna nikkundannaw dan it-tip ta’ abbuż u bullying. Ir-referendum hu proċess demokratiku u l-kaċċaturi għandhom jirrispettaw dan. In-nies għandhom ikunu liberi biex jiddiskutu din il-kwistjoni mingħajr biża’ u intimidazzjoni.”
Sultana qal “Aħna konna hawn, fil-lokal bl-iktar popolazzjoni f’Malta, Birkirkara, biex inwasslu tliet messaġġi importanti li kienu l-punti ewlenin tal-kampanja tagħna din il-ġimgħa. "Wieħed mill-messaġġi hu li aħna nafu li l-poplu hu konxju li l-kaċċaturi mhumiex dawk li qed jippruvaw jagħtu d-dehra li huma, bejn il-kliem u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. Illum taw xhieda ta’ dan.
Il-kelliem kompla jgħid "Tul dawn l-aħħar snin rajna reati kriminali minn kaċċaturi li inkludew membri prominenti tal-FKNK. Agħtu ħarsa lejn l-atti speċifiċi ta’ vjolenza, vandaliżmu u b’mod partikolari lejn il-prassi ta’ sparar indiskriminat tal-kaċċaturi fir-rebbiegħa - li ġew dokumentati.”
Waqt il-konferenza stampa Mark Sultana wkoll tenna dak li qal l-Imħallef Giovanni Bonello dwar l-abolizzjoni tal-passatempi. “Nixtieq intenni dak li qal l-Imħallef Giovanni Bonello lbieraħ filgħaxija - li l-kampanja ta’ biża’ ta’ dan ir-referendum li se twassal biex attivitajiet oħra jiġu aboliti kompletament mhix vera. Nistieden lill-votanti jisimgħu dak li kellu xi jgħid f’ċertu okkażjonijiet u jiġġudikaw huma stess.”