Il-Libja għandha tibqa' fil-quċċata tal-aġenda tal-UE

Ian Borg jindirizza Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali - bit-TTIP, l-Unjoni tal-Enerġija u l-Libja fuq l-aġenda

Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg saħaq li l-UE trid tagħraf kemm hi serja s-sitwazzjoni fil-Libja - speċjalment is-sitwazzjoni umanitarja li dejjem sejra għall-agħar, il-gruppi estermisti u terroristiċi li qed jiżdiedu, in-numru ta' ħajjiet li qed jintilfu fil-baħar kif ukoll l-influss ta' immigranti illegali u dawk li qed ifittxu l-ażil li jitilqu minn xtut tal-Libja.

Dan qalu waqt indirizz li għamel fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali (GAC), li attendew għalih il-Ministri Ewropej għall-Affarijiet tal-UE - laqgħa li saret bi tħejjija għall-Kunsill Ewropew li beħsiebu jiltaqa' aktar tard din il-ġimgħa u li għalih ħa jattendi wkoll il-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-GAC iddiskuta l-abbozz għall-konklużjoni tal-Kunsill Ewropew, b'mod partikolari temi li għandhom x'jaqsmu mal-Unjoni tal-Enerġija, il-progress fit-TTIP, u s-sitwazzjoni fil-Libja.

Hawn Borg qal li huwa importanti li l-Kunsill Ewropew jaħdem bl-appoġġ b'saħħtu m'għand il-Ġnus Magħquda. L-UE għandha wkoll tara x'għażliet għandha u tara kif tista' tagħti l-appoġġ tagħha sabiex ikun hemm l-għaqda fil-Libja. Borg qal ukoll li huwa importanti li l-Kunsill Ewropew jagħmel moniteraġġ mill-qrib u jżomm ħarstu b'mod kostanti dwar is-sitwazzjoni fil-Libja.
 
 Fost l-oħrajn, Borg tkellem ukoll dwar l-Unjoni tal-Enerġija fejn faħħar lill-Kummissjoni dwarha, u saħaq li Malta ħa taħdem b'mod kostruttiv mal-Kummissjoni. Fl-istess ħin, Borg qal li jaqbel ma' numru ta' Stati Membri oħra li jgħidu li l-ammont ta' acquis li hemm f'kuntratti li għandhom x'jaqsmu mas-sigurtà tal-enerġija joħolqu bilanċ.
 

More in Politika