Il-mezzi tax-xandir Ażerbajġani qed jirrapurtaw li l-Prim Ministru Malti beħsiebu jerġa' jagħmel żjara fl-Ażerbajġan għal xi laqgħat. Dan qalu Tonio Fenech f'mistoqsija Parlamentari indirizzata lil Joseph Muscat, fejn talbu jinforma lill-Kamra x'inhu l-iskop ta' din iż-żjara u jgħid ukoll ma' min se jiltaqa', u min ser jakkumpanjah. Din il-mistoqsija ġejja wara li l-Gvern Laburista ġie kkritikat, b'mod partikolari mill-Oppożizzjoni, talli ż-żjara li kien hemm fil-każ tas-SOCAR ma ġietx esposta daqstant fuq il-mezzi tax-xandir.
Min-naħa tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li diġà ħabbar pubblikament fuq il-mezzi tax-xandir li din iż-żjara għadha mhux ikkonfermata, speċjalment minħabba impenji oħra li jaf għandu kemm barra l-pajjiż kif ukoll f'pajjiżna stess f'dawn l-istess jiem.