Ir-rata ta’ qgħad fiż-żona ewro fi Frar kien ta’ 11.3% - bi tnaqqis ta 0.5% meta mqabbel mal-istess żmien is-sena l-oħra. Din il-figura hija l-iktar rata baxxa fiż-żona Ewro sa minn Mejju 2012. Waqt l-istess perjodu, il-pajjiżi tal-UE rreġistraw rata ta’ 9.8% ta’ qgħad – tnaqqis sostanzjali mill 10.5% rreġistrat fl-istess żmien is-sena l-oħra. Dan skont l-Eurostat – l-uffiċju tal-istatisika tal-UE.
Il-Ġermanja u l-Awstrija rreġistraw l-aktar rati ta’ qgħad baxxi fi Frar 2015, b’4.8% u 5.3% rispettivament. Il-Greċja u Spanja rreġistraw l-ogħla – b’26% u 23.2% rispettivament. Malta rreġistrat waħda mill-aktar rati baxxi b’5.9%.
L-istess statistika tal-Eurostat weriet li 4.850 miljun żgħażugħ kienu qgħeda fi Frar tal-2015 fil-pajjiżi tal-UE. Dan huwa tnaqqis ta’ 494,000 fuq l-istess żmien is-sena l-oħra. Il-Ġermanja u l-Awstrija għal darb’oħra rreġistraw l-aktar rati baxxi b’7.2% u 9% rispettivament, filwaqt li l-Greċja b’51.2% u Spanja b’50.7% rreġistraw l-ogħla rati.