€2.5 miljuni f'taħriġ

Iktar minn 2,300 persuna ibbenefikat minn fondi Ewropej għat-taħriġ

Iktar minn 2,300 persuna minn 450 intrapriża differenti applikaw għal fondi ta’ taħriġ grazzi għat-Training Aid Framework (TAF2) li kienet ġiet imnedija permezz tal-Korporazzjoni għat-Taħriġ u x-Xogħol f’Novembru 2014. Dan ħabbru s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Ian Borg, ġewwa l-Marina fl-Imsida.

Dan il-programm, ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew, kellu l-għan li jippromovi t-taħriġ u l-iżvilupp. Ir-riżultat finali kellu jara titjib fil-produttività tal-impjegabilità li allura tkun kapaċi tilħaq miri u sfidi ġodda hekk kif metodi ġodda ta’ teknoloġija jkunu qegħdin jiġu introdotti.

Dr Borg qal li €2.5 miljuni kienu ġew allokati fuq it-TAF sabiex jiġu promossi attivitajiet ta’ taħriġ li għandhom jiġu implimentati sal-aħħar ta’ Ġunju 2015. Dr Borg qal li l-bżonn tal-industrija għal inizjattivi simili kien evidenzjat bin-numru rekord ta’applikazzjonijiet li daħlu fi żmien 8 ġimgħat, sa nofs Jannar 2015, fejn l-ETC irċeviet ‘il fuq minn 2,389-il applikazzjoni, li rriżultaw f’madwar 1,800 grant mifruxa fuq 450 intrapriża.

Is-Segretarju Parlamentari spjega wkoll kif l-ETC ħadet 10 ġimgħat biex evalwat il-proċess kollu waqt li l-istess korporazzjoni tinsab kommessa li tħallas lura fi żmien 4 xhur wara li tkun irċeviet id-dokumentazzjoni kollha neċessarja. Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-prattiċi użati fil-passat li f’ċertu każi anki kellna sitwazzjonijiet fejn pagamenti damu aktar minn 3 snin biex jiġu effettwati, kompla jgħid Dr Borg.

Fl-aħħar nett, Dr Borg spjega wkoll li hekk kif il-programmi operattivi ta’ pajjiżna issa huma approvati, l-Awtorità ta’ Ġestjoni ser tkun fil-ġimgħat li ġejjin qed tipprepara sejħiet ġodda li jammontaw għal madwar €20M u li ser ikunu qed ikopru interventi simili.

More in Politika