Il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi se jkun qed jagħmel l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu bħala Prim Ministru nhar il-Ħamis li ġej għal diskussjonijiet mal-Prim Ministru Joseph Muscat.
Matul din l-istess żjara, Renzi se jkun preżenti għall-inawgurazzjoni tal-interkonnettur bejn Malta u Sqallija.
Id-diskussjonijiet bejn Renzi u Muscat se jkunu qed jiffukaw fuq l-immigrazzjoni irregolari, is-sitwazzjoni tal-Mediterran li dejjem tiżviluppa u s-settur tal-enerġija.
L-interkonnettur se jkun qed jgħaqqad Malta ma' Sqallija u b'hekk tingħaqad fil-grid Ewropew. Il-cables taħt l-art f'Malta jispiċċaw f'Qalet Marku, f'Baħar iċ-Ċagħaq u jwassal l-elettriku permezz ta' terminal station ġdid tal-Enemalta fil-Magħtab.
Fl-aħħar ġimgħat, Muscat informa lill-Parlament li l-interconnector se jibda jaħdem totalment, matul dan ix-xahar, "wara li x-xogħlijiet waqgħu lura b'sentejn taħt l-amministrazzjoni tal-PN."