Żieda ta' €6 miljun fid-dħul tal-Malta Gaming Authority

Fl-2014, l-MGA iżżid id-dħul bi kważi sitt miljun ewro

L-Awtorità Maltija għal-Logħob, matul is-sena 2014, żiedet id-dħul tagħha bi kważi sitt miljun ewro, liema żieda fid-dħul mistennija tiġi sostnuta matul din is-sena wkoll. 

L-ammont ta’ liċenzji fl-2014 żdied b’dsatax fil-mija biex illum ilaħħaq il-519-il liċenzja. Dan it-tkabbir mistenni jkompli fl-2015. 

Din iż-żieda fid-dħul u fil-liċenzji, hija dovuta għall-fatt li l-Awtorità wara l-2013 imbarkat fuq eżerċizzju ta’ ristrutturar, li r-riżultati tiegħu bdew iħallu l-frott mixtieq. Aktar minn hekk wara analiżi li saret, l-Awtorità ħasset il-ħtieġa li ssaħħaħ id-direttorati fosthom tal-finanzi, il-compliance, ir-regolatarju, il-legali, ir-riċerka, l-infurzar u l-assigurazzjoni. 

L-Awtorità temmen li dan il-proċess ta’ tiġdid u ristrutturar kien wieħed importanti biex jiġu indirizzati sfidi ewlenin ħalli din l-industrija tkompli tikber u tissaħħaħ.

Ta’ min isemmi wkoll li minn informazzjoni li tpoġġiet ilbieraħ fil-Parlament, fis-sena 2012 l-Awtorità ġabret b’aktar minn 47 miljun ewro f’taxxi filwaqt li fl-2014 din iċ-ċifra telgħet għal aktar minn 53 miljun ewro. 

Din iż-żieda tikkonferma li x-xogħol ta’ tisħiħ li qed tagħmel l-Awtorità fl-istrutturi tagħha qed iħalli l-frott mixtieq. Il-viżjoni tal-Gvern tibqa’ dik li Malta tippożizzjona ruħha bħala ċentru ta’ eċċellenza dinji fl industrija tal-gaming u għalhekk huwa importanti li l-Awtorità tissaħħaħ u jsir l-investiment neċessarju. 

More in Politika