NGOs isostnu li żvilupp fil-kampanja huwa insostenibbli u inaċċettabbli

Ikompli d-dibattitu dwar l-Universita' Amerikana ta' Malta

Ikompli d-dibattitu dwar l-Universita' Amerikana ta' Malta
Ikompli d-dibattitu dwar l-Universita' Amerikana ta' Malta

Numru ta’ NGOs jinsabu diżappuntati bil-fatt li l-Gvern diġa qiegħed jinnegozja mas-sidien privati tal-artijiet ta' Żonqor Point sabiex jiġi akkomodat l-investitur mill-Jordan li sejjer jibni dik li qegħda tissejjaħ l-Universita' Amerikana ta' Malta.

“Dan imur kontra l-impressjoni li l-Gvern tana waqt laqgħa ta' l-aħħar sekonda li ssejħet lejliet il-ftehim tal-Gvern ma Sadeen Group” qalu l-NGOs fi stqarrija ffirmata minn Ramblers' Association of Malta, Flimkien Għal Ambjent Ahjar (FAA), Malta Organic Agriculture Movement (MOAM), Friends of the Earth Malta (FoE) u l-Kollettiv Terrafirma.

L-NGOs qalu li waqt il-laqgħa li kellhom ingħataw l-impressjoni li l-Gvern kien sejjer jikkunsidra bis-serjeta' li jsib post ieħor għal din l-Universita', minflok iħalli li din tinbena fuq 90,000 metru kwadru ta' art barra mill-iskema tal-iżvilupp (ODZ). “It-tama tagħna li dan iseħħ kompliet tiżdied ukoll fid-dawl ta' stqarijiet minn membri importanti tal-Gvern bħall-Ministru tal-Ambjent Leo Brincat.”

L-NGOs sostnew l-pożizzjoni tagħhom li aktar żvilupp fil-kampanja huwa insostenibbli u għalhekk inaċċettabbli. B'mod partikolari, il-fatt li qegħdin jiġu mbgħabsa l-konfini taż-żoni fejn ma jistax isir żvilupp sabiex jiġi akkomodat żvilupp kummerċjali jkisser għal kollox is-sens ta' dawn iż-żoni, li qegħdin hemm sabiex iħarsu l-ambjent u l-ġid kommuni tal-Maltin kollha.

Huma sejħu lill-Gvern sabiex jiċċara l-pożizzjoni tiegħu dwar jekk l-Universita' tistax tiċċaqlaq għal post alternattiv, u sabiex jispjega għala huwa daqshekk essenzjali li dan il-proġett isir f'nofs il-kampanja. “L-NGOs diġa urew ir-rieda tajba meta offrew li jgħinu sabiex jinstab sit ieħor, u b'hekk tiġi salvata din il-medda ta' kampanja Maltija.”

 

More in Politika