Għat-tieni xahar konsekuttiv, il-bejgħ mill-ħwienet f’Malta żdied bl-akbar rata ta’ tkabbir minn fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Dan joħroġ minn stqarrija tal-Gvern li tindika statistika tal-Eurostat li turi li l-bejgħ mill-ħwienet Maltin u Għawdxin f’Marzu ta’ din is-sena kien 8.9% ogħla minn dak osservat fl-istess xahar sena ilu.
Din ir-rata hija tlett darbiet u nofs dik osservata fil-bqija tal-Unjoni Ewropea. Iż-żieda f’Marzu f’pajjiżna kienet ukoll l-ogħla waħda osservata f’dan ix-xahar mill-2010 ’l hawn u t-tielet l-ogħla reġistrata mindu bdiet tinġabar din l-istatistika.
Intant, ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li matul l-ewwel kwart ta’ din is-sena nħarġu fit-toroq ta’ pajjiżna 4,855 vettura ġdida. Dan ifisser żieda ta’ 36% fuq l-ammont ta’ vetturi ġodda li kienu ġew liċenzjati fl-istess perjodu fl-2013.
L-istqarrija ttemm tgħid li huwa f’dan il-kuntest li l-Gvern se jkompli jaħdem biex jinġiebu aktar proġetti siewja lejn pajjiżna biex b’hekk it-tifdil tal-familji tagħna joħloq aktar ġid nazzjonali li mbagħad jintuża għall-benefiċċju tas-soċjetà tagħna.