Il-Kabinett tal-Ministri approva l-ħatra tal-Maġistrat Giovanni Grixti u l-Maġistrat Myriam Hayman biex iservu bħala Imħallfin tal-Qrati Superjuri u tal-Avukati Dr Joe Mifsud u Dr Monica Vella biex iservu bħala Maġistrati.
Il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali qal li dawn il-ħatriet se jżidu l-ammont ta’ nisa li jservu fl-ogħla karigi fil-pajjiż. Infatti minn total ta’ 10 ħatriet li se jkunu saru fil-ġudikatura matul din il-leġiżlatura 5 se jkunu nisa: 2 Imħallfin u 3 Maġistrati.
B’dawn il-ħatriet se jkunu b’hekk mimlija l-vakanzi li nħolqu fil-ġudikatura.
L-avukat Joe Mifsud ggradwa bħala avukat f’Novembru 2006. Fl-1992 kien l-ewwel Segretarju Ġenerali tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u serva bħala President tal-Forum Żgħażagħ Laburisti bejn l-1994 u l-1999 u bħala Segretarju Internazzjonali tal-Partit Laburista bejn l-2003 u l-2008.
L-Avukat Monica Vella ggradwat mill-Università ta’ Malta bħala Duttur tal-Ligi f’Novembru tal-1997 u ħadet il-warrant biex tipprattika l-professjoni ta’ Avukat f’Jannar tal-1998. Hija serviet għal 11-il sena bħala Sindku fil-Kunsill Lokali tax-Xewkija sakemm fl-2012 inħatret Kummissarju tal-Ġustizzja f’diversi Tribunali Lokali.