Kuntratt li jista' jeżonera lil Skanska u l-bqija mir-responsabbiltajiet

John Dalli jgħid li l-kuntratt għadda mill-proċeduri tal-Kabinett u kien ġie approvat

Hemm ċans li jkun impossibli sabiex il-Gvern ikun jista' jiġbor xi danni mill-iskandlu tal-kwalità tal-konkos użat fil-bini tal-isptar Mater Dei li huwa nieqes mill-forom ta' sigurtà. Minħabba f'hekk se jkollhom jintefqu minn tal-inqas €30 miljun sabiex l-isptar isir qieħed sigur.

Minkejja dan, il-problema ta' dan kollu li qed iħabbat wiċċu magħha l-Gvern hi li fid-19 ta' Frar tal-2009, il-Fondazzjoni tas-Servizzi Mediċi kienet iffirmat kuntratt li jeżonera u jneħħi mill-ħtija kull problema li kapaċi tinqala fil-konfront tal-kumpanija Żvediża Skanska li kienet responasbbli mill-bini, kif ukoll periti u inġiniera lokali u barranin, fornituri tal-konkos u kumpaniji tas-servizzi loġistiċi, f'każ li jkun hemm problemi ta' xogħlijiet difettużi fl-isptar.

Minħabba f'hekk, b'dan il-kuntratt iffirmat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, issir diffiċli ferm għall-gvern sabiex ikun jista' jitlob xi tip ta' kumpens jew iżomm lil xi ħadd responsabbli għal negliġenza.

Dettalji mill-kuntratt li deher issa, juru li dan il-konkos ta' kwalità inferjuri seta' ffranka €40 miljun lil fornituri tal-konkos.

Minn naħa tiegħu, John Dalli li fl-2009 kien il-Ministru tas-Saħħa responsabbli politikament mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi qal li ma jiftakarx id-dettalji tal-kuntratt. Minkejja dan qal li ż-żewġ naħat kienu qablu dwar dan.

Dalli żied isostni li dan il-qbil kien għadda mill-proċess tas-soltu li jiġi ppreżentat lill-Kabinett u jiġi approvat.

Minn naħa tiegħu, Tonio Fenech li kien Ministru għall-Finanzi u r-responsabbli mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi qabel ma nbidlulu r-responsabbiltajiet, sostna li l-ebda kuntratt m'għandu jkun 'il fuq mill-liġi Maltija u r-responsabbiltà kellha tittieħed mill-periti u kuntratturi, irrispettivament minn xi qbil li seta' kien hemm.

More in Politika