Cardona: Konferma tas-suċċess ekonomiku tal-Gvern

"Standard and Poor’s irrevediet il-prospettiva ta’ Malta ’l fuq, minn stabbli għal pożittiva u aktar minn hekk qed tbassar li l-prospettivi ta’ tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna huma aqwa minn dawk ta’ pajjiżi oħra fiż-żona tal-ewro”

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Chris Cardona innota b’sodisfazzjon it-titjib fil-klassifikazzjoni li l-aġenzija internazzjonali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, Standard and Poor’s, tat lil Malta.

“Standard and Poor’s irrevediet il-prospettiva ta’ Malta ’l fuq, minn stabbli għal pożittiva u aktar minn hekk qed tbassar li l-prospettivi ta’ tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna huma aqwa minn dawk ta’ pajjiżi oħra fiż-żona tal-ewro” saħaq il-Ministru Cardona.
Il-Ministru Chris Cardona qal li d-deċiżjoni ta’ Standard & Poor’s li ttejjeb il-prospettiva għal waħda pożittiva tikkonferma r-riżultati ekonomiċi tajbin ħafna li bħala pajjiż qed jirnexxilna nilħqu u nakkwistaw.

L-aġenzija tistenna li dawn ir-riżultati pożittivi se jkunu sostnuti minn influss qawwi ta’ investiment. Dan filwaqt li tirrikonoxxi li d-diversifikazzjoni tal-ekonomija, partikolarment fl-oqsma tal-informatika u t-teknoloġija tal-kommunikazzjoni flimkien mat-turizmu mediku, se jgħatu spinta lill-investiment.

Il-Ministru Cardona qal li Standard and Poor’s qed tirrikonoxxi u tikkonferma l-istrateġija ekonomika ta’ dan il-Gvern: li jiddiversifika l-ekonomija biex jimmassimizza l-potenzjal ekonomiku ta’ Malta.

Semma kif l-oqsma li diġà huma stabbiliti seww f’pajjiżna bħall l-Investiment fl-Industrija, is-Servizzi Finanzjarji u l-Gaming, komplew jissaħħu b’mod sinifikanti.

Fl-istess waqt il-Gvern qed iħares lil hin minn dak li s’issa konna kapaċi noffru b’suċċess f’pajjiżna u semma bħala ezempju konkret il-ftehim ma’ Barts u l-London School of Medicine and Dentistry biex Barts tiftaħ fergħa f’Għawdex.

Semma wkoll il-ħidma li qed issir fis-setturi tal-Propjetà Intellettwali u s-servizzi loġistiċi. Dan filwaqt li ta rendikont ta’ fiex wasal il-proċess ta’ konċessjoni tal-Maritime Hub, fejn ħabbar li dalwaqt ikunu konklużi n-negozjati mal-aqwa offerent. Il-Ministru Cardona rrefera wkoll għal proġett tal-Life Sciences Park fejn qal li l-interess qabeż kull aspettativa.

Huwa rrefera wkoll għas-settur tal-esportazzjoni fejn fl-ewwel 5 xhur ta’ din is-sena l-esportazzjoni ta’ prodotti manifatturati lokalment żdietet b’aktar minn 16–il miljun ewro, b’żidiet fl-oqsma tal-ikel, farmaċewtika, kimiċi, vetturi, makkinarji u apparat mekkaniku.

Semma wkoll kif fl-ewwel kwart tal-2015 ġie impurtat ammont rekord ta’ makkinarju intiż għall-investiment, b’żieda ta’ 692 miljun ewro fuq l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena. Dan se jwassal biex fix-xhur li ġejjin, il-produzzjoni industrijali tista’ tkompli tikber għax il-kumpaniji f’pajjiżna qed iżidu l-kapaċità tagħhom.

“Meta nikkonsidraw dawn l-indikaturi nistgħu b’kumdita ngħidu li s-settur industrijali f’Malta qed jerġa’ jakkwista d-dinamiżmu tiegħu. Aħna, bħala Gvern nibqgħu inpenjati li, fix-xhur li ġejjin, inwettqu aktar ħidma favur l-industrija tal-manifattura” saħaq il-Ministru Cardona.

Il-Ministru Cardona qal li s-sentiment ekonomiku pożittiv u ottimist qed jinħass kemm mill-azjendi kif ukoll mill-konsumaturi, waqt li fakkar kif għal 13-il xahar konsekuttiv pajjiżna rreġistra l-ogħla livell ta’ ottimiżmu fost il-pajjiżi kollha taż-żona ewro.

Il-Ministru Cardona spjega kif fl-ewwel sentejn u ftit xhur ta’ dan il-Gvern ittieħdu numru sostanzjali ta’ deċiżjonijiet li waslu biex jissaħħaħ b’mod sinifikanti l-poter tal-akkwist tal-familji tagħna, primarjament it-tnaqqis fir-rata tat-taxxa, it-traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-prezzijiet baxxi u stabbli tal-fjuwil.
“Dan kollu qed iwassal għal żieda fil-kummerċ li tirriżulta f’ċiklu pożittiv ta’ aktar dħul, aktar xogħol u aktar konsum” saħaq il-Ministru Chris Cardona.

Standard & Poor’s  innutat ukoll il-fatt li l-pagi reali f’Malta qed jiżdiedu, u li dan se jissarraf f’kapaċità tal-akkwist ogħla għall-Maltin.

Il-Ministru Cardona qal li dawn il-fatturi, flimkien ma’ rata ogħla ta’ okkupazzjoni u parteċipazzjoni usa’ min-nisa b’riżultat tad-diversi inizjattivi li ttieħdu biex jiffaċilitaw u jħeġġu lin-nies jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu, se jkomplu jagħtu spinta lill-konsum privat.


Finalment, semma kif fit-12-il xahar li għaddew, kull jumejn, 10 persuni sabu xogħol u li l-prospetti għax-xhur li ġejjin huma tajbin ħafna u ċ-ċifri tal-qgħad huma mistennija jkomplu jinżlu.



“Il-Gvern jemmen li hemm potenzjal kbir x’jintlaħaq f’dan il-pajjiż. Ir-rapport ta’ Standard and Poor’s huwa wieħed inkoraġġanti u jingħaqad mas-sentiment pożittiv li għandha l-Kummissjoni Ewropea, Aġenziji ta’ kreditu oħrajn, kif ukoll l-azjendi u l-familji tagħna” ikkonkluda jgħid il-Ministru Cardona.

More in Politika