Kif mistenni fil-midja soċjali bdew il-battibekki fuq il-messaġġi taż-żewġ partiti, f'nofs il-kwistjoni taħraq tal-kumpanija fil-Panama li fetħu Konrad Mizzi u Keith Schembri.
Fost dawk li ħarġu jiddefendu lil Ministru Mizzi kien hemm id-Deputat Laburista Luciano Busuttil li fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook li innota kif il-PN sab il-flus, botta dwar il-problema finanzjarja li kellu u għad għandu l-PN, biex jagħmel billboard fil-kliem 'Shame on You'. Busuttil staqsa ''Shame on you' għal xhiex?
Busuttil ifakkar kif Konrad Mizzi bħala Ministru kien il-persuna li salva l-Enemalta mid-djun kbar li kellha "u li salva l-impjiegi tal-impjegati kollha tal-kumpanija." Huwa jistaqsi jekk Konrad Mizzi m'għandux minn xhiex jistħi talli raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u talli stabiliżża l-prezzijiet tal-fjuwil. "Għalfejn jistħi Konrad Mizzi, talli għalaq il-Power Station tal-Marsa jew talli qed jibni oħra ġdida li taħdem bil-gass?"