Illum, il-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qiegħed jagħti indikazzjoni ta’ riforma fil-kodiċi tal-etika tal-Ministri, li permezz tagħha se jkun qed jinbidel il-mod kif dawn u kif il-Membri Parlamentari jiddikjaraw l-assi u d-dħul tagħhom. L-ILLUM hija nfurmata li l-Prim Ministru diġá kkomunika l-intenzjoni tiegħu ma’ numru ta’ persuni qrib tiegħu li jsiru tibdiliet bil-għan li tiżdied it-trasparenza u li jkun evitat każ ieħor bħal dak żvelat il-ġimgħa l-oħra dwar Konrad Mizzi.
Sorsi li tkellmu mal-ILLUM spjegaw kif Muscat huwa konxju li t-terremot politiku li nqala’ fl-aħħar ġimagħtejn ħalla lill-Gvern u lill-Partit Laburista elettoralment imbenġel.
Din ir-riforma, li mistennija titħabbar fid-dettall fil-ġranet li ġejjin, se tkun it-tieni waħda li se jkollha l-għan li tagħmel tibdiliet konsiderevoli. Dan hekk kif fil-bidu tas-sena, il-Gvern preżenti ħabbar riforma oħra fid-Dipartiment tal-Artijiet.
L-ILLUM hija nfurmata wkoll li fiż-żmien li ġej, il-Gvern se jkun qed jappunta Kummissarju tal-Istandards. Għalkemm għad m’hemmx persuna partikolari li ġiet magħżula għal din il-kariga, sorsi li tkellmu mal-ILLUM fakkru kif din l-għażla trid ssir b’reqqa kbira u dan minħabba li min se jokkupa l-kariga huwa mistenni li ma joqgħodx lura milli jimponi r-rekwiżiti kollha meħtieġa fuq kull Ministru.
Sorsi nfurmati qalu lill-din il-gazzetta li l-Prim Ministru Joseph Muscat qed jara dan il-każ bħala wieħed li biddel l-istrateġija tal-Partit Laburista, b’enfasi akbar fuq dak li huwa meqjus bħala pożittiv. Fil-fatt, numru ta’ billboards li twaħħlu fit-toroq mill-PL jitkellmu dwar il-livelli baxxi ta’ qgħad u ż-żieda qawwija tan-nies fid-dinja tax-xogħol, f’dawn l-aħħar sentejn u nofs.
Fl-istess ħin iżda, l-ILLUM hija nfurmata li l-Partit Laburista qed iħejji wkoll strateġija aktar aggressiva fil-konfront tal-Partit Nazzjonista u li mistennija tibda taqbad aktar momentum fil-ġimgħat li ġejjin. Dan mistenni jtella’ t-temperatura elettorali fix-xhur li ġejjin u timmarka ġirja ħafna itwal għall-elezzjoni ġenerali. Din il-gazzetta kienet irraportat nhar l-14 ta’ Frar li għadda li l-elezzjoni li jmiss hija ppjanata li ssir lejn l-aħħar parti tal-2017.
Il-Partit Laburista, mill-bieraħ stess beda joħroġ informazzjoni li ġiet f’idejh dwar laqgħa li saret nhar it-Tnejn li għadda. L-istazzjon ONE, ilbieraħ żvela kif il-kampanja tal-PN qed titmexxa minn Richard Cachia Caruana, mid-dar tiegħu stess u li se tkun iffukata fuq il-bżonn li jsiru numru ta’ protesti partiġġjani simili għal dak li kien isir qabel l-1987. Skont ir-rapport ta’ ONE News, l-għan ta’ dan huwa li tkun iddistabbilizzata l-ekonomija tal-pajjiż.
Jidher li fil-laqgħa li kienet diskussa l-istrateġija tal-PN, kien hemm il-viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami, magħruf għall-agressivitá politika tiegħu, l-eks-Ministru tal-Finanzi Tonio Fenech u Richard Cachia Caruana.
Sorsi viċin il-Partit Laburista qalu lill-ILLUM li dalgħodu, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista mistenni jitkellem u jindika dawn l-aħħar żviluppi.