Meta kien qed jindirizza mijiet ta' partitarji f'Għawdex u f'risposta għal numru ta' votanti Laburisti li jħossuhom diżullużi Joseph Muscat wiegħed li ssir ġustizzja ma' dawk li jħossu li għadha ma saritx magħhom. F'diskors imqanqal huwa għamel lista sħiħa ta' kisbiet li għamel Gvern Laburista f'dawn l-aħħar sentejn u nofs. Muscat ħabbar ukoll li nhar l-1 ta' Mejju l-Partit Laburista se jkun qed jorganizza attivita' tal-massa biex jikkomemora nhar Jum il-Ħaddiem u f'appoġġ għal bidliet li qed iwettaq il-Gvern preżenti.
Waqt id-diskors tiegħu Muscat spjega kif il-Gvern m'għandux għalfejn jistħi minn kisbiet li għamel fosthom traħħis fil-kontijiet, child care b'xejn, il-Liġi tal-Finanzjament tal-Partit, il-Preskrizzjoini fil-każi ta' korruzzjoni, t-tneħħija tat-taxxa għal min qiegħed fuq il-paga minima u t-tnaqqis fit-taxxa għal tliet snin wara xulxin. Muscat fakkar f'kisbiet oħrajn ta' Gvern Laburista, fosthom ir-rekords fit-turiżmu, ir-rata baxxa ta' qgħad iż-żieda fil-paga tal-carers, id-dritt lill-Pulizija li jissieħbu f'unjin u l-garanzija għaż-żgħażagħ.
Ma setax jonqos li Muscat isemmi l-qasam tas-saħħa u l-fatt li l-waiting lists naqsu drastikament kif naqqsu l-mediċini out-of-stock. Staqsa jekk il-Gvern għandux minn xhiex jistħi minn proġetti bħal ta' Barts Medical School, filwaqt li fakkar ukoll fir-riżultati ekonomiċi pożittivi li qed tikseb il-gżira Għawdxija. Muscat elenka wkoll kisbiet soċjali li għamel Gvern Laburista fosthom il-liġi tal-identita' tal-ġeneru u l-unjoni ċivili. Semma wkoll kisbiet fil-finanzi tal-pajjiż, fosthom il-fatt li dan il-Gvern ħareġ lill-Malta minn proċeduri mill-UE f'dak li jirrigwarda defiċit.
"U sentejn u nofs oħra meta nerġa niġi quddiemkhom nwegħdkhom li l-lista ta' kisbiet se tkun ħafna itwal milli hi bħalissa."
"Minflok ħabbar bidliet, Muscat ħabbar mass meeting"
Intant il-PN fi stqarrija qal li kull min segwa d-diskors ta’ Joseph Muscat dalgħodu, "ħareġ iddiżappuntat, għaliex minkejja li kien mistenni jħabbar bidliet kbar fid-dawl tal-akbar skandlu politiku f’pajjiżna, l-uniku ħaġa li ħabbar kien mass meeting għal xahrejn oħra."
"Il-Prim Ministru għażel li jinjora għal kollox l-iskandlu li qed jgħereq fih l-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ Malta - dak tal-kumpaniji sigrieti tad-Deputat Mexxej Laburista Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Mhux ta’ b’xejn li n-nies jinsabu rrabjati u ddiżgustati mhux biss bl-aġir ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri, iżda l-aktar bl-aġir ta’ Joseph Muscat" temm jgħid il-PN.