F’intervista li Marlene Farrugia għamet mal-gazzetta ILLUM hija indikat illi jista jinħoloq dak li ssejjaħlu “moviment” ġdid li jibbilanċja bejn iż-żewġ partiti. Hija tisħaq illi l-bażi ta’ dan il-moviment politiku ġdid għandu jkun msejjes fuq bażi studenteska u jinfirex madwar is-soċjeta’ filwaqt li jirrispondi lil dawk kollha li bħalissa ma jemmnux fiż-żewġ partiti l-kbar jew li l-Alternattiva Demokratika tista tkun b’saħħitha biżżejjed biex tirrispondi għal bżonnijiet tal-pajjiż.
Dan li ġej huwa li qalet Farrugia lill-ILLUM
Jekk issir elezzjoni illum kif tivvota, jekk tivvota?
Ara f’dan il-mument kellna dan l-iskandlu kollu (tal-Panama) u ma ġara xejn. Mela bħal ħafna nies oħrajn jien inkun kostretta, jew nivvota lill-Partit Laburista biex forsi jinbidel u jitnaddaf jew lill-Partit Nazzjonalista li jista jagħti l-każ li ma tnaddafx biżżejjed
Kieku tissejjaħ elezzjoni illum ikun għad fadal sitt ġimgħat jew tmien ġimgħat u jista jkolli alternattiva oħra fejn nivvota.
Lilhinn miż-żewġ partiti?
A week is a long time in politics
L-ILLUM infurmata li inti jew nies oħrajn, influwenti fix-xena soċjo-politika qed tippjanaw li tikkreaw partit ieħor. Veru?
Dak il-moviment il-ġdid imsejjes fuq is-soċjeta’ ċivili diġa jeżisti f’moħħ in-nies. Issa jkunx hemm il-bżonn li dan isir moviment politiku għad irridu naraw. Jekk nibqgħu sejrin kif sejrin bħalissa, jista jkun li jkollna bżonn.
Mill-għaqdiet u s-soċjeta’ ċivili, qed tirreferi għal Front Ħarsien ODZ?
Wieħed minnhom. Front Ħarsien ODZ wieħed minnhom. Hemm diversi partiti żgħar u NGOs li f’moħħhom qed jistaqsu kif se jivvotaw. Jekk il-Labour mhux qed isarraf dak li wiegħedu jekk il-PN ma jikkonvinċihomx li nbidel u wara li jtuh il-vot jerġa jagħmel bħalma għamel fl-aħħar snin ta’ Lawrence Gonzi, kif se jivvotaw? A week is a long time in politics.
Jiġifieri m’intix teskludi li tippilota int dan il-partit ġdid?
Ħafna nies li vvutaw lili tellgħuni biex Gvern Laburista jimxi skont il-programm elettorali ta’ ħames snin. Xogħoli huwa li ngħin lill-PL biex iwettaq dak li wiegħed.
Imma jekk tiddeċiedi li dan mhux qed isir u l-PL ma jieħux id-direzzjoni li tixtiequ int, x’tagħmel? Tibda partit ġdid?
Partit jifforma f’moħħ in-nies. Il-bżonn li jkun hemm forza politika ġdida diġa teżisti f’moħħ in-nies. Jista jkun hemm il-bżonn li jinħoloq moviment biex jibbilanċja bejn iż-żewġ partiti.
M’hemmx l-Alternattiva Demokratika?
Għandi rispett lejn l-AD. Pero s’issa ma rnexxilhomx iqanqlu appoġġ biex ikun hemm moviment li jżomm il-partiti in check.
Mela jista jkun li fl-2018 naraw lil Marlene l-alternattiva l-oħra...
Ma tistax tgħid. Nippreferi li jekk se jinħoloq moviment ikun hemm wiċċ ġdid li jmexxih. Biex inbiddlu it-terran politiku. Jekk ikun hemm dan il-moviment nħoss li għandu jiġi mill-bażi studenteska. It can be done. Fil-frattemp nittamaw li l-Gvern isib saqajh u jeċċella fil-governanza kif qed jeċċella f’oqsma oħrajn.
Il-PL baqgħalu kull ċans li jitnaddaf u jiggverna skont dak li tellgħu għalih il-poplu.