Fid-dawl ta' wieħed mill-iktar tkabbir ekonomiku sostanzjali mħabbar li kiseb pajjiżna s-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal illi issa jeħtieġ li dan it-tkabbir ekonomiku jkun rifless fil-pagi tal-ħaddiema. Bugeja kien qed jirreaġixxi għall-fatt li din il-ġimgħa ħarġet statistika li turi kif matul l-2015 pajjiżna esperjenza tkabbir ta' 6.3%, l-akbar fi snin twal. Dan jirrifletti l-qawwa illi biha qed tiprogressa l-ekonomija Maltija fil-mument. Bugeja kien qed jgħaddi kummenti lill-gazzetta l-orizzont.
Filwaqt li faħħar l-andament ekonomiku illi qed jesperjenza pajjiżna, Bugeja qal ukoll illi l-GWU trid tara li issa dan ir-riżultat ikun rifless f'kundizzjonijiet u pagi aħjar għall-ħaddiema. Bugeja jfakkar kif il-GWU ħabbret inizjattiva msejjħa 'passaport tal-ħaddiema fit-turiżmu' bil-għan li jkun miġġieled il-prekarjat u l-abbuż fis-settur tal-impjiegi fit-turiżmu.
Bugeja jwissi wkoll kontra li l-pajjiż jidħol f'election mode sentejn u nofs qabel issir l-elezzjoni ġenerali.