‘Toni Abela kien ixxukjat bl-ostilità li ntweriet lejh’

Mhux mistenni jkompli bin-nominazzjoni tiegħu għall-Qorti tal-Awdituri

Sorsi mill-Partit Laburista li tkellmu mal-ILLUM spjegaw kif Toni Abela kien ixxukkjat b’dik li sejjaħ attitudni ostili li ħass fi ħdan il-kumitat. Abela li tkellem ukoll ma’ nies fil-PL dwar it-ton patronizzanti ta’ Membru Parlamentari Ewropew partikolari meta tkellmet dwar il-fatt li Abela kien viċi Sindku tal-Ħamrun għal xi żmien. Din l-MPE partikolari rreferiet għall-Ħamrun bħala villaġġ żgħir ta’ 10,000 persuna mingħajr relevanza.

Intant wara li n-nominazzjoni ta’ Abela ma ġietx aċċettata mill-maġġoranza tal-MPE fil-Kumitat tal-Kontrol Baġitarju, l-ILLUM hija infurmata li Abela mhux se jkun qed jkompli miexi bin-nomina tiegħu għal Awditur fil-Qorti Ewropea, xi ħaġa li allura se tkun qed tiftaħ il-bieb biex il-Gvern jagħżel persuna oħra li tista’ timla din il-kariga. L-ILLUM hija nfurmata wkoll li ilbieraħ saret laqgħa bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u Abela li kienet waħda kordjali iżda li fiha dan għaliha ċara li mhux se jkun qed ikompli bin-nominazzjoni tiegħu.

Il-kritika ewlenija lejn Abela kienet in-nuqqas ta’ esperjenza li għandu Abela f’postijiet għolja, għalkemm ħafna mill-mistoqsijiet kienu jitrattaw l-akkużi pre-elettorali tal-Partit Nazzjonalista dwar l-allegata blokka ta’ kokaina f’każin tal-Partit Laburista. Jidher li kien hemm ħidma fl-istess Parlament Ewropew hekk kif tqassam artiklu dwar din l-istorja, li ssemmiet ukoll mill-publikazzjoni politika POLITICO.

Malli nxterdet l-aħbar li Abela ma kienx għadda minn dan it-test, bdew mill-ewwel numru ta’ battibekki b’diversi Membri Parlamentari Laburisti u anke attivisti tal-partit iwaħħlu fl-Oppożizzjoni u ħidma li setgħet saret biex tfixkel lil Abela.

Intant il-MPE tal-Ħodor Igor Šoltes, li huwa viċi chairman tal-kumitat tal-Parlament Ewropew li m’aċċettax lil Abela, ħeġġu biex jiritira n-nominazzjoni tiegħu.

 

More in Politika