Bejn l-2014 u l-2015 kien hemm ftit aktar minn 32,400 persuni li gawdew minn rifużjoni ta’ VAT fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi. Fl-2014 kien hemm 29,126 persuna li ħadu pagament ta’ €110 jew ta’ €55 fuq taxxa li l-Partit Laburista kien wiegħed li jneħħi mill-oppożizzjoni.
Fis-sena 2015 kien hemm 3,336 persuna li ħadu l-ħlas kollu dovut bħala rifużjoni ta’ VAT fuq vetturi rreġistrati bejn l-1 ta’ Mejju u Diċembru 2004.
Flimkien dawn it-32,400 persuna ngħataw bejniethom €5.5 miljuni. L-ammonti totali mogħti lura fl-2014 kien ta’ kważi €3.3 miljuni filwaqt li fl-2015 kien ta’ €2.3 miljuni. Transport Malta allokat baġit ta’ €4.3 miljun li se jitħallsu matul l-2016 lil sidien ta’ vetturi rreġistrati fl-2005.
Din l-informazzjoni ngħatat mill-Ministru għat-Trasport u Infrastruttura Joe Mizzi fil-Parlament għall-mistoqsija tad-Deputat Laburista Anthony Agius Decelis