Il-ħolqien ta' partit ġdid...id-dissens mhux biżżejjed
Għalfejn qed isir diskors dwar il-bżonn ta' partit ġdid? X'ikkawża dan il-bżonn? Min se jmexxih? Se jirnexxi partit ġdid, jew se jkun biss forza momentarja ta' dissens? Kif se jsalva f'arena politika qalila? L-ILLUM tanalizza
minn Albert Gauci Cunningham
Nhar il-Ħadd 6 ta’ Marzu li għadda, kien is-sit illum.com.mt li żvela kif l-eks-Deputata Laburista Marlene Farrugia qed tikkunsidra li toħloq, jew tkun xprun ta’ partit ġdid. Is-sit elettroniku tagħna kien irraporta kif Farrugia ma teskludix li tmexxi dan il-partit hi, għalkemm tippreferi wiċċ ġdid, u li dan ikollu l-għan li jżomm bilanċ bejn iż-żewġ partiti. F’intervista li dehret fuq il-gazzetta ILLUM, Farrugia tgħid ukoll li l-bażi ta’ dan il-partit ġdid għandu jkun fost l-istudenti.
Minn mindu għamlet din id-dikjarazzjoni Farrugia, qamet diskussjoni fil-pajjiż li fiha daħlu diversi vuċijiet differenti, uħud li wieħed seta’ stennihom u oħrajn li le.
Fost dawk li ftit stennew li se jitkellem kien hemm Salvu Mallia, li f’intervista mal-ILLUM żvela kif beħsiebu jiġġieled is-sistema elettorali preżenti u dak li sejjaħlu d-“dittatorjat taż-żewġ partiti.” Żvela wkoll kif se jkun kandidat għall-elezzjoni ġenerali li jmiss fuq l-ewwel u t-12-il distrett, ma’ forza politika lil hinn miż-żewġ partiti l-kbar.
Iżda dan id-diskors kollu dwar partit ġdid minn fejn inqala’? X’wassal biex qed iqum dan l-interess kollu li jinħoloq moviment ġdid politiku? Dan kollu nar tat-tiben? Dan kollu paroli li se jtir mar-riħ ladarba jikkalmaw l-ilmijiet politiċi u kulħadd jerġa’ jmur jiskjera ruħu mal-partit ‘tiegħu’? U kemm, fil-verità jekk isir dan il-partit, se jkun effettiv? Kemm se jġib voti? X’bidliet jista’ jwettaq? Se jkun kapaċi jagħmilha għall-Parlament?
Pixxini fil-Panama
Qabel ma nħarsu lejn il-potenzjal ta’ partit ġdid u lejn il-personaġġi li qed jimbuttaw il-ħolqien tiegħu, irridu nistaqsu x’wassal biex inħoloqot din l-għagħa kollha. Irridu nanalizzaw x’seta’ ġara biex persentaġġ dejjem jikber ta’ nies, illum qed jaraw li fiż-żewġ partiti m’hemmx futur.
Il-każ politiku li bla ebda dubju qajjem tempesta politika li heżżeż is-sisien taż-żewġ partiti, imma b’mod speċjali u definittiv tal-Partit u l-Gvern Laburista, kien dak tal-Panama.
Għalkemm għad ma kien hemm ebda prova konkreta u konklussiva ta’ korruzzjoni, id-dell li l-kumpanija fil-Panama tefgħet fuq Ministru li kien ikkunsidrat bħala ‘doer’, apparti li huwa qrib ħafna ta’ Muscat, kien wieħed tqil, twil u iswed.
Eluf ta’ nies li fdaw lill-Partit Laburista fl-aħħar elezzjoni esprimew ir-rabja tagħhom għal dawn l-avvenimenti. Għal dawn l-eluf, il-ħajt protettiv li kien iżomm lil Joseph Muscat ’il bogħod mill-kritika u l-immaġini pożittiva ħafna tal-istess Muscat, issa bdew juru xquq serji. Dan jixhduh il-figuri fl-aħħar stħarriġ tal-MaltaToday li juru kif 41.2% ta’ dawk li vvutaw PL għall-ewwel darba fl-aħħar elezzjoni, illum ma jafdaw lill-ebda miż-żewġ partiti, u kieku kellha ssir elezzjoni illum, dawn ma jivvutawx.
Dan ifisser li bejn 17,000 u 18,000 ta’ dawk li vvutaw Labour għall-ewwel darba fl-aħħar elezzjoni, ma jivvutawx kieku kellha ssir elezzjoni illum. Bejn 11,000 u 12,000 reġgħu ‘marru lura’ għand il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li bejn 7,000 u 8,000 persuna jerġgħu jivvutaw lill-Partit Laburista.
Apparti dan, l-aħħar stħarriġ tal-istess gazzetta oħt turi kif hemm persentaġġ qawwi ta’ madwar 10% minn dawk il-votanti li dejjem ivvutaw lill-Partit Laburista, li kieku issir elezzjoni illum ma jivvutawx. Hawnhekk qed nerġgħu nitkellmu fuq eluf ta’ votanti oħrajn. Fil-fatt, fl-aħħar elezzjoni ivvutaw lill-Partit Laburista 167,533. Jekk minnhom taqta’ 36,000 li għall-argument nikkunsidrawhom kollha bħala switchers, allura jifdal ftit aktar minn 131,000. Issa jekk għall-argument ngħidu li qed nitkellmu dwar 10% ta’ dawn il-voti, li ftit jew wisq kollha jmorru għall-Partit Laburista, mela allura jista’ jkun li qed inħarsu lejn 13,000 vot ieħor.
B’kollox, dawn iż-żewġ xenarji jistgħu faċilment qed iħallu madwar 30,000 vot ta’ nies li preżentament m’għandhom ebda intenzjoni jivvutaw, u dan meta lanqas biss qed ngħoddu eluf ta’ votanti ġodda li se jkunu qed jivvutaw għall-ewwel darba fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Vojt permanenti jew temporanju?
Allura dawn it-30,000+ votanti se jkunu qed joħolqu vojt temporanju, jew wieħed permanenti li minnu partit ġdid ikun jista’ jgawdi elettoralment?
Kollox jiddependi minn bosta fatturi. L-ewwel fattur huwa kif beħsiebu jimxi l-Gvern fiż-żmien li ġej, u l-mod ta’ kif se jirrispondi għall-aħħar avvenimenti politiċi li ħallewh imbenġel bil-kbir. Jekk il-Gvern se jwettaq ċerti bidliet li juru kif qed jipprova jbiddel u jagħmel l-aħjar minn sitwazzjoni prekarja li poġġietu fi sqaq, allura il-probabbiltà hija li persentaġġ minn dawk il-votanti li abbandunawh tant kmieni fil-leġiżlatura, jerġgħu jaħsbuha.
Jekk hemm min qed jaħseb li poplu, ikun min ikun, se jitfa’ s-saħħa, l-edukazzjoni, l-ambjent, ix-xogħol, l-ekonomija u aktar minn kollox il-but fil-ġenb u se jivvota b’mod esklussiv fuq il-governanza, sejjer żball
Jekk il-Gvern, min-naħa l-oħra se jibqa’ jittama li għax tinjora n-nar, dan se jintefa’ waħdu, jista’ jkun li eluf minn dawk li abbandunawh jikkonfermaw li l-għażla tagħhom kienet waħda tajba u jibqgħu xi mkien fin-nofs, f’dak li qed insejħulu ‘vojt’.
It-tieni fattur hija l-Oppożizzjoni. Minkejja li bħalissa l-Partit Nazzjonalista qed jikseb riżultati tajbin fis-sondaġġi, jibqa’ fatt li ħafna minn dawn it-30,000+ għadhom mhux qed jafdaw lill-istess partit biżżejjed u jħossu li għadu kmieni wisq biex jemmnu li dan biddel il-mod ta’ kif jagħmel il-politika. Jista’ jkun ukoll li ħafna minn dawk il-11,000-12,000 li ‘marru lura’ għand il-PN, għamlu dan biss issa fiż-żmien meta l-Gvern qiegħed fl-agħar tiegħu. M’hemm l-ebda garanzija li dawn fil-fatt se jivvutaw PN meta jasal il-waqt. Jista’ jkun li persentaġġ minnhom jerġa’ jibdielhom u jersqu lejn il-‘vojt’ tan-nofs. Jista’ jkun ukoll li sa sentejn u nofs oħra, uħud minn dawn jerġgħu jiddeċiedu li jivvutaw lill-Partit Laburista
It-tielet fattur huwa l-Laburisti li bħalissa jħossu li ma jistgħux jidentifikaw mal-partit tagħhom jew li jħossu li l-partit nesihom jew għadu ma wettaqx ġustizzja magħhom. Dan is-settur ta’ votanti, apparti li huwa kruċjali għall-Labour, jista’ jkun kruċjali wkoll għal partit ġdid.
Jekk sal-elezzjoni, dawn it-13,000 u forsi iktar magħhom, jibqgħu jħossu li l-partit ma indirizzax il-problemi u l-inġustizzji tagħhom, jista’ jkun li jew jibqgħu d-dar fl-elezzjoni ġenerali jew inkella jintefgħu fil-vojt tan-nofs bit-tama li jivvutaw lil partit ġdid, jekk dan ikun ikkreat.
Kollox jgħodd mal-partit il-ġdid innifsu
Imma forza politika ġdida tirnexxi skont kemm tkun rilevanti hi. Jekk partit ġdid se jkun qed jorbot esklussivament fuq id-dissens għaż-żewġ partiti minn eluf ta’ votanti, allura se jkun moviment momentarju, efemerali u li jwassal biss, forsi sa elezzjoni ġenerali waħda.
Iċ-ċavetta dwar jekk dan id-diskors dwar it-tielet partit hux se jimmaterjalizza jew le, se jkun il-fattur li se jgħaqqad lil diversi persuni differenti li s’issa tkellmu dwar il-ħolqien ta’ partit ġdid.
X’jgħaqqad lil Marlene Farrugia u lil Franco Debono? X’jgħaqqad lil dawn it-tnejn ma’ Salvu Mallia u ma’ Michael Brigiuglio? S’issa ftit li xejn. S’issa dak li qed jgħaqqad lil dawn l-erba’ min-nies huwa d-dissens ġustifikat li qed iħossu lejn is-sistema politika sħiħa.
Għandek raġun, imma xorta mhux se nivvotalek
Dawk li tilfu l-fiduċja fiż-żewġ partiti u li qed jisimgħu lil Farrugia, Debono u Mallia bħalissa, qed ituhom raġun. Dawn it-tlieta b’xi mod jew ieħor qed jitkellmu l-lingwa tagħhom, qed iwasslu d-dissens u d-diżillużjoni tagħhom fuq il-mezzi tax-xandir u fuq siti soċjali bħal Facebook.
Imma, anke jekk hawn min jaħseb mod ieħor, l-impenn li persuna tivvota lil partit, tmur lil hinn mid-dissens u minn kemm naqbel miegħek. Il-vot ġeneralment huwa bbażat fuq il-fatt li l-istess persuna jew grupp ta’ nies li qed iservu ta’ leħni qegħdin ukoll joffru soluzzjonijiet u bażi ta’ twemmin ekonomiku u soċjali li jixbah lil tiegħi.
S’issa il-bżonn li jkun hemm partit ġdid huwa biss frott tal-ilmenti u l-garr. Imma l-ilmenti u l-garr jistgħu jkunu temporanji u għalhekk bażi ta’ voti mibnija fuq din il-premessa, hija volatili ħafna. S’issa ħafna qed jgħidu lil Marlene u lil Salvu Mallia, “mela naqbel miegħek, imma xorta mhux se nivvutalek”, għax s’issa, wara l-faċċata ta’ reżistenza u dwejjaq għad m’hemm xejn x’jorbot, xejn konkret.
Partit ġdid jeħtieġ il-pedamenti
Dawk li bħalissa qed jiltaqgħu ma’ diversi nies biex ikun iffurmat dan il-moviment politiku ġdid, jeħtieġ li l-ewwel u qabel kollox jibnu l-pedamenti tal-partit. Fiex se jkun jemmen dan il-partit? Ma’ xiex se jaqbel? Se jkun xellugi jew lemini jew se jkun fotokopja tal-PN u l-PL u jibqa’ fiċ-ċentru? X’inhi l-ekonomija għalih? Kif se jaċċerta li t-tkabbir ekonomiku jilħaq lil kulħadd? Se jistenna li jkun hemm ‘trickle down’ tal-ġid (xi ħaġa li ma tiġri qatt)?
Għall-partit il-ġdid jew għal dawk li qed jaħsbu biex joħolquh, il-Gvern xi rwol għandu jkollu? Għandu jkun esklussivament amministratur, li jara li l-pajjiż jimxi ’l quddiem mingħajr wisq intervent, jew għandu jkun il-missier li jintervjeni biex joħloq il-ġid hu? X’jaħsbu dawn in-nies dwar il-privatizzazzjoni? Hemm entitajiet li għandhom ikunu nazzjonalizzati?
Jekk il-Gvern se jwettaq ċerti bidliet li juru kif qed jipprova jbiddel u jagħmel l-aħjar minn sitwazzjoni prekarja li poġġietu fi sqaq, allura il-probabbiltà hija li persentaġġ minn dawk il-votanti li abbandunawh tant kmieni fil-leġiżlatura, jerġgħu jaħsbuha.
U xi twemmin soċjali se jkollu dan il-partit? Se jkun konservattiv jew liberali? X’se tkun il-pożizzjoni tiegħu dwar l-IVF, l-abort, l-omosesswalità u x’attitudni se jieħu lejn il-Knisja Kattolika? Se jkun sieħeb tal-Knisja, se jinjoraha jew se jtellagħha fuq pulptu? X’relazzjoni jrid mal-UE? X’pożizzjoni se jieħu fuq l-immigrazzjoni?
U l-mistoqsijiet jibqgħu ġejjin, u aktar kemm issaqsi aktar iqumu mistoqsijiet ġodda. Għalhekk s’issa l-idea ta’ partit ġdid, li għadha fl-istadji ta’ qabel l-infanzja ma tistax tkun ikkunsidrata iktar minn idea waħda minn ħafna li jittajru waqt tromba politika.
Il-governanza hija importanti, vera. Hija importanti ħafna. Imma partit irid iwiegħed ħafna iktar minn hekk. Jekk hemm min qed jaħseb li poplu, jkun min ikun, se jitfa’ s-saħħa, l-edukazzjoni, l-ambjent, ix-xogħol, l-ekonomija u aktar minn kollox il-but fil-ġenb u se jivvota b’mod esklussiv fuq il-governanza, sejjer żball.
Mexxej ġdid...il-Curriculum Vitae
Naturalment dawn it-30,000+ vot, flimkien ma’ sezzjoni mill-voti ġodda jistgħu jmorru lejn partit politiku ġdid kemm il-darba dan ikollu xi ħadd fit-tmun li jispira u li jiġbed lejh il-mases.
Marlene Farrugia u Franco Debono, tista’ taqbel magħhom u jistgħu kienu dejjem konsistenti ma’ dak li jemmnu. Fil-fatt it-tnejn dejjem jisħqu li l-prinċipju politiku tagħhom huma la qatt bidluh u lanqas ċaħduh. Il-problema hija li kemm Marlene kif ukoll Franco, huma marbutin wisq mad-dissens. Salvu Mallia, min-naħa l-oħra, huwa l-portavuċi ta’ ħafna nies fit-triq imma għad m’għandux l-istatura meħtieġa minn mexxej.
Dan ifisser li dan il-moviment ġdid se jkun jeħtieġ element differenti. Element mingħajr it-toqol tal-passat, b’enerġija kbira u mingħajr rabtiet politiċi li jistgħu jkissruh jew ikunu ta’ mazzra.
Moviment ġdid irid ikun mmexxi minn xi ħadd li għandu l-lussu li jipprietka l-onestà u li jitlob għar-responsabbiltà politika, mingħajr swaba’ ppuntati lejh u lejn ta’ madwaru, lussu li Simon Busuttil m’għandux. Irid ukoll ikun xi ħadd li għandu twemmin li jpoġġi lin-nies fiċ-ċentru u li jitlaq mill-premessa li n-nies jiġu l-ewwel u qabel kollox.
Partit ġdid jeħtieġ jimla ħafna vojt u ħafna spazji qabel ma jkun eleġibbli biex jinżel fl-arena politika u ma jitqattax mill-ewwel iljun f’temp ta’ sekonda
Mexxej ta’ forza politika ġdida jrid jwieġeb dawk il-mistoqsijiet li staqsejt aktar ’il fuq b’ċarezza, u mingħajr xrara ta’ dubju filwaqt li jispira fiduċja f’dawk li qed isegwuh. Aktar minn kollox, irid ikun jew trid tkun dinamika biżżejjed biex tagħmel ħafna mill-kwistjonijiet tal-poplu tagħha. Ma jistax ikun ikollok moviment politiku li jagħmel suċċess jekk dan se jeħel ma’ kwistjoni waħda biss, pereżempju l-ambjent jew il-governanza. L-ambjent u l-governanza, biex insemmu żewġ setturi li din il-gazzetta tħoss li l-Gvern preżenti sejjer ħażin fihom, huma parti minn pakkett ħafna ikbar.
Xi ħadd li jrid jattira 30,000+ voti jeħtieġ jirrealizza li Gvern Laburista qed jagħmel suċċessi ekonomiċi kbar u qed jirnexxilu jagħmel bidliet pożittivi fl-oqsma msejħin ‘bread and butter’. U f’dawn l-oqsma jeħtieġ li jagħmel dak li Gvern Laburista mhux qed jagħmel biżżejjed, jiġifieri jħares lejn dak li huwa ‘micro’, l-esperjenza ta’ individwi, aktar milli biss lejn il-figuri u s-sitwazzjoni b’lenti globali. Xi ħadd li jrid jattira 30,000+ vot ma jistax imur jipprotesta jew jieħu stessi spalla ma’ spalla ma’ nies li kienu fil-poter ilbieraħ u li wettqu dnubiet kbar (mhux tal-abbatini, le!) Xi ħadd li jrid joffri alternattiva, irid jkun differenti mill-Alternattiva Demokratika, fis-sens li jieqaf ikun pressure group.
Iktar minn kollox, f’ambitu ta’ elezzjonijiet presidenzjali, mexxej ta’ forza politika ġdida jeħtieġ ikollu kariżma, jkun maħbub min-nies, ikun kapaċi jisma, oratur tajjeb, passjonat, determinat u li jkun ‘mainstream’, jiġifieri mhux xi ħadd li qisu għadu kif ħareġ minn taħt blata u f’daqqa waħda tah li jiftaħ partit.
Ħolma li se ttir mar-riħ?
Il-lista hija twila. Twila ħafna. U qabel ma’ forza politika ġdida tibda mill-pożizzjoni li tiġġieled sistema elettorali, jeħtieġ ikollha l-ingredjenti msemmija hawn fuq.
Ikun ta’ xejn li Salvu Mallia jdoqq it-tanbur tal-bidliet fis-sistema elettorali jekk mhux se jkun parti minn grupp organizzat ta’ nies, li se jispiraw u jisseduċu lill-poplu biex jivvutalhom.
Il-possibbiltà ta’ partit ġdid hija hemm, in-nies qed jitkellmu dwarha u diġà saru programmi wkoll dwar dan. Imma lil hinn mill-kliem tal-mument, partit ġdid jeħtieġ jimla ħafna vojt u ħafna spazji qabel ma jkun eleġibbli biex jinżel fl-arena politika u ma jitqattax minn l-ewwel iljun f’temp ta’ sekonda.