‘Is-self misskhom tlabtuh meta nieskhom spiċċaw bla impjieg’

L-eksimpjegat isejjaħ il-bini l-ġdid tad-Dar Ċentrali bħala “qabar lussuż”

“Is-self li qed tittallbu għalih illum, misskhom tlabtuh meta konna spiċċajna b’mannara fuq rasna u eventwalment tkeċċejna jew spiċċajna mill-impjieg tagħna mal-Partit Nazzjonalista. Issa qed tittallbu l-flus? Biex tħallsu l-pagi kbar meta lili lanqas skema ta’ rtirar m’offrejtuli?”

Hekk sostniet irrabjata persuna li kienet taħdem fl-Istamperija, illum id-Dar Ċentrali tal-PN, għal 43 sena u li spiċċat mix-xogħol ftit wara l-aħħar elezzjoni minħabba l-problemi finanzjarji u djun li għadhom qed jifnu lill-PN bħalissa.

“Dħalt naħdem hemm fl-1970, saħansitra qabel ħarġet l-ewwel pubblikazzjoni tal-ġurnal in-Nazzjon. Kont l-aktar persuna li domt hemmhekk, sakemm ġew l-intoppi u spiċċajt barra l-impjieg mingħajr lanqas biss flus tal-irtirar.” Dan l-eksimpjegat tal-PN fakkar fl-għajtiet biex isiru s-sagrifiċċji mill-ħaddiema, “għaliex dakinhar ma marrux jittalbu kif qed jagħmlu llum, biex min ried jgħajjex familja seta’ jagħmel dan? Għaliex ma marrux jittalbu s-self, biex tal-anqas kienu jtuna s-somma? Ġew jagħtuna ktieb biex mingħalihom jgħadduna biż-żmien, insomma lili lanqas ktieb ma tawni.”

Dan l-eksimpjegat, jgħid li hu kien segretarju fil-Kumitat, kien kunsillier tal-PN, u attivist għal snin twal, “imma mbagħad irmewni bħal ma rmew lil ħaddieħor. Dakinhar misshom marru jittallbu s-self!”

Dan l-eksimpjegat tal-PN għal 43 sena staqsa hekk, “Meta jien tlaqt, Ann Fenech u Simon Busuttil, hemm kienu fil-partit. Għax ma ġiethomx din l-idea dakinhar?” Huwa jallega li s-self qed jintalab issa, “biex iħallsu għal pagi viljakki għas-skapitu ta’ nies li damu jaħdmu hemm snin twal.”

Ma’ din il-gazzetta huwa kompla jgħid li din l-attitudni ilha ġejja, saħansitra minn qabel l-elezzjoni, “fejn biex nidħlu fir-raba’ sular tal-istamperija konna rridu nuru card. Daqshekk konna fdati. L-aqwa li l-kuntratturi deħlin u ħerġin u rajthom b’għajnejja dawn l-affarijiet jien.”

Huwa jtemm jgħid li din tas-self weġġgħatu għax “tefgħet aktar melħ fuq il-ferita. Mal-feriti l-oħrajn li kellna, bħal meta l-eks-Segretarju Ġenerali Paul Borg Olivier mar ħa vaganza waqt li l-impjieg tagħna kien mdendel.”

Huwa jistaqsi “x’sar minnhom l-eluf kbar, qrib il-miljun, li kienet qed tagħmel il-Eurotours, biex issa spiċċaw f’dejn ta’ madwar €250,000? Basta bnejna stamperija ġdida, li kważi dejjem vojta. Qisna bnejna qabar lussuż.”

 

More in Politika