Skont ċifri maħruġin mill-Eurostat, is-sena l-oħra Malta rreġistrat l-ewwel tnaqqis fir-rata ta' faqar assolut mill-2012, lil hawn. Fil-fatt l-istess ċifri juru kif fl-2012 il-persentaġġ ta' persuni li jgħixu fil-faqar assolut u ta' dawk li huma materjalment deprivati kien ta' 9.2%. Dan żdied għal 9.5% fl-2013 u laħaq l-10.2% fl-2014. Matul is-sena 2015, pajjiżna ra l-ewwel tnaqqis fin-numru ta' persuni f'faqar assolut, bil-persentaġġ jinżel għal 8.1%.
Skont l-istess ċifri jirriżulta li Malta għandha 34 persuna minn kull 1,000 li qed jgħixu f'faqar assolut u huma materjalment deprivati. It-tnaqqis fil-faqar assolut kien fenomenu li seħħ madwar l-Unjoni Ewropea kollha, fil-fatt il-persentaġġ medju ta' persuni fil-faqar niżel għal 8.2%. Minkejja dan, l-Ewropa xorta għandha 41 miljun persuna li bħalissa qed jgħixu f'faqar assolut u li huma neqsin minn mezzi finanzjarji.