L-MPT twieġeb għall-ilmenti: Aktar rotot se jgħaddu minn San Ġwann

B'effett minn nhar il-Ħadd se jibdew joperaw rotta 25 u 35 li jgħaddu minn San Ġwann wara l-ilmenti tal-pubbliku

B’effett mis-17 ta’ April 2016, se jidħlu fis-seħħ numru ta’ bidliet fir-rotot li jgħaddu minn San Ġwann u żoni oħra wara deċiżjoni mill-Awtorità għat-Trasport f’Malta. Il-Malta Public Transport issa se tkun qiegħda topera żewġ rotot ġodda; ir-rotta 25 u r-rotta 35, minbarra r-rotot eżistenti 22 u 24. Ir-rotta 25 se titlaq mill-Belt Valletta kull siegħa lejn San Ġwann u tgħaddi minn Triq tal-Balal, tkompli fi Triq Dun F. Camilleri u minn Triq Taż-Żwejt sakemm tasal mar-roundabout tal-Isptar Mater Dei.


Ir-rotta 35 se titlaq mill-Belt kull 30 minuta lejn L-Imsida u r-roundabout tal-Iskate Park. Se tgħaddi minn Mater Dei u mill-Università ta’ Malta u tkompli dritt ’l isfel lejn iż-Żona Industrijali ta’ San Ġwann u minn Triq taż-Żwejt. Ir-rotta tkompli minn Triq id-9 Ta’ Frar 1799 u minn Triq V. Borg Bared, ’l isfel lejn il-Knisja ta’ San Ġwann.

qegħdin inwettqu dawn il-bidliet u nemmnu li se nkunu qed insolvu t-tħassib espress mill-passiġġiera Daniel Grech MPT


“Ninsabu kuntenti li qegħdin inwettqu dawn il-bidliet u nemmnu li se nkunu qed insolvu t-tħassib espress mill-passiġġiera. Matul din il-ġimgħa uffiċjali tal-Malta Public Transport se jkunu qegħdin fil-Venda tal-Belt Valletta sabiex jispjegaw dawn il-bidliet lill-passiġġiera, filwaqt li se jkun qiegħed jintbagħat fuljett bieb, bieb lir-residenti kollha ta’ San Ġwann” saħaq id-Direttur Kummerċjali tal-Malta Public Transport, is-Sur Daniel Grech. “Għalkemm dawn huma bidliet żgħar, huma pass ieħor biex inkomplu nirfinaw u nkabbru l-effiċjenza u l-affidabbiltà tas-servizz tagħna permezz ta’ titjib kontinwu” żied jgħid.


Tibdil ieħor fis-servizz tat-trasport pubbliku:


Ir-rotta 250 se tibda tivvjaġġa mill-Bajja tal-Mellieħa (L-Għadira) minflok miċ-Ċirkewwa. Din tintemm il-Belt Valletta, b’hekk se tipprovdi konnessjoni oħra bejn din il-bajja daqshekk popolari u l-Belt Valletta.
Ir-rotta X3, li issa se tkun qiegħda tgħaddi minn Triq Psaila minflok minn Triq il-Wied Birkirkara, se tkabbar il-konnettività għar-residenti taż-żona.
Ir-rotta 119 se tibda taqdi wkoll il-Power Station ta’ Delimara filwaqt li r-rotta 213 se tiġi estiża sar-Rinella.
Bidliet oħra se jqassru l-ħin tal-vjaġġ fuq għadd ta’ rotot.
Għal-lista kompluta ta’ tibdiliet, jekk jogħġbok żur is-sit publictransport.com.mt

More in Politika