Pajjiżna llum qed ifakkar żewġ anniversarji importanti fil-qasam tal-ugwaljanza u l-kisba tad-drittijiet ċivili. Bħal-lum sentejn, il-Parlament approva d-dħul tal-liġi dwar l-unjoni ċivili minkejja l-astensjoni en bloc tal-Oppożizzjoni filwaqt li sena ilu, kienet approvata l-liġi dwar l-Identità tal-Ġeneru, l-Espressjoni tal-Ġeneru u l-Karatteristiċi tas-Sess.
F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet dwar it-tliet snin ta’ ħidma tal-Gvern biex minoranzi f’pajjiżna, fosthom il-komunità LGBTIQ, jingħataw id-drittijiet li ħaqqhom u li suppost kienu ilhom li ngħataw. Il-Ministru Dalli qalet li l-bidliet kbar li għamlet Malta fl-aħħar tliet snin fil-qasam tal-libertajiet ċivili wasslu biex minn importatur, Malta issa saret pajjiż li qed jesporta dawn id-drittijijet.
Kif imwiegħed fil-programm elettorali, twaqqaf il-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ bis-sehem ta’ membri mis-soċjetà ċivili, li qed jikkontribwixxi fil-ħolqien ta’ politika li tindirizza l-bżonnijiet veri tal-persuni LGBTIQ.
Il-Ministru Dalli fissret kif il-liġi dwar l-identità tal-ġeneru għadha ċċelebrata internazzjonalment bħala l-aħjar liġi li tipproteġi d-drittijiet tal-persuni trans, intersess u genderqueer. Saħansitra, pajjiżna qed iservi ta’ mudell għal pajjiżi oħra f’dan il-qasam tant li l-Belġju ffirma Memorandum of Understanding ma’ Malta f’dan ir-rigward.
Dr Dalli semmiet kif wara li f’Lulju li għadda Malta adottat il-pjan ta’ azzjoni LGBTIQ, pajjiżna rnexxielu għall-ewwel darba jitla’ sal-quċċata tal-indiċi qawsalla tal-ILGA-Europe. Il-Ministru Dalli qalet li l-ħidma li twettqet fl-aħħar tliet snin fil-qasam tal-libertajiet ċivili hija ċertifikat li l-Gvern mexa mid-diskors għall-fatti u wettaq policies li qed jagħtu drittijiet lil kulħadd.