Illum jimmarka għeluq sena minn mindu daħal fis-seħħ l-Att dwar Dipendenza fuq id-Droga (Trattament mhux Priġunerija). L-għan tal-liġi jibqa’ li l-vittma ġenwin tad-droga jiġi trattat bħala persuna li teħtieġ l-għajnuna u mhux bħala kriminal. Dan l-għan beda jiġi milħuq u rajna titjib importanti f’dan is-settur fl-aħħar sena. Il-liġi daħħlet fis-seħħ numru ta’ bidliet.
Waqt li qabel persuni li jinqabdu b’pussess sempliċi ta’ droga f’ammonti żgħar kienu jitressqu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati preseduta minn Maġistrat, issa dawn qed jitressqu quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja Vicky Scicluna li hija social worker.
Quddiem il-Kummissarju Scicluna, persuna tista’ teħel multa żgħira (f’każ ta’ kannabis bejn €50 u €100, droga oħra bejn €65 u €125) u tingħata attenzjoni dwar kif din il-persuna tista’ toħroġ mill-vizzju. L-ewwel seduta quddiem il-Kummissarju għall-Ġustizzja Scicluna ġiet appuntata fil-25 ta’ Settembru 2015 u sa Marzu 2016 ġew appuntati total ta’ tlettax-il seduta fejn instemgħu 344 każ, 86 minnhom persuni ta’ nazzjonalità mhux Maltija. Jirriżulta li minn dawn il-każijiet kien hemm numru kbir ta’ persuni li kienu recreational users jew kienu qegħdin jesperimentaw għall-ewwel darba li ġew megħjuna japprezzaw u jifhmu l-konsegwenzi ta’ dak li kienu għamlu.
25 persuna kienu volontarjament irreferuti għall-għajnuna, jew kienu offruti għajnuna, jew kienu mitluba li jattendu għal seduta oħra sabiex il-Kummissarju Scicluna setgħet tiżgura li dawn kienu fil-fatt qegħdin jirċievu l-għajnuna li jeħtieġu. Il-Kummissarju Scicluna segwiet dawn każijiet hi stess u rreferiet ċertu każijiet lill-aġenziji ta’ għajnuna.
Il-benefiċċju ewlieni tal-liġi l-ġdida huwa li dawk li għandhom bżonn l-għajnuna qegħdin jingħataw din l-għajnuna fil-ħin. Din l-għajnuna tiġi offruta lill-persuna li tinqabad għall-ewwel darba u din il-persuna tista’ tirrifjuta din l-għajnuna, iżda mat-tieni darba l-għajnuna hija imposta.
Li tisforza persuna li tingħata għajnuna hija neċessarja, peress li f’uħud mill-każijiet, dawn il-persuni ma jkunux fi stat mentali u fiżiku, minħabba l-vizzju tad-drogi, li jieħdu deċiżjonijiet tajbin għalihom infushom. Fil-fatt mat-tieni sejba ta’ ħtija fi żmien sentejn mill-Kummissarju għall-Ġustizzja, il-persuna tgħaddi quddiem Board ta’ Rijabilitazzjoni mid-Droga bil-għan li dan jgħin lill-persuna biex toħroġ mill-vizzju. Il-Board għandu poter li jimponi ċertu direttivi li jwasslu għal konsegwenzi jekk ma jiġux obduti mill-persuna.
S’issa kien hemm persuna waħda biss, minn mindu daħlet fis-seħħ il-liġi, li nstabet ħatja darbtejn fi żmien ta’ sentejn jew inqas mill-Kummissarju għall-Ġustizzja u għalhekk ġiet riferuta quddiem il-Board ta’ Rijabilitazzjoni mid-Droga.
Il-Board ta’ Rijabilitazzjoni mid-Droga għandu wkoll funzjoni oħra skont il-liġi l-ġdida, ċioè li jiġu riferuti lilu wkoll każijiet ġenwini ta’ vittmi tad-droga mill-Qorti tal-Maġistrati. Il-Qorti tal-Maġistrati tiddeċidi każijiet iktar serji (pussess ta’ drogi f’ammonti ikbar minn dak li tisma’ l-Kummissarju għall-Ġustizzja jew każijiet ta’ traffikar li ma jwasslux għall-proċeduri ta’ ġuri).
Fil-fatt bil-liġi l-ġdida, fejn il-Qorti tal-Maġistrati jidhrilha li l-akkużat għandu dipendenza serja fuq id-drogi u hemm il-volontà li wieħed joħroġ mill-vizzju, hija tista’ tkun tista’ tirreferi l-akkużat quddiem il-Board ta’ Rijabilitazzjoni mid-Droga. Jekk ir-rijabilitazzjoni tkun suċċess, imbagħad il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tad-Drogi tkun tista’ tagħti piena li ma tkunx waħda ta’ ħabs bilfors.
Saru 79 talba għal riferenza mill-Qorti tal-Maġistrati għal quddiem il-Board tar-rijabilitazzjoni mid-Droga.
B’kollox il-Qorti tal-Maġistrati rreferiet 14-il każ lill-Board tar-Rijabilitazzjoni mid-Droga li jfisser li 14-il persuna, jekk jissodisfaw ir-rijabilitazzjoni li jipprospetta l-Board, jingħataw ċans ieħor f’ħajjithom.Minn dawn, 5 każijiet jinsabu fi stadju avvanzat.
Il-Gvern hu pożittiv dwar dak kollu li nkiseb fl-aħħar sena għaliex b’dan ix-xogħol qed issir differenza għall-aħjar fil-ħajja tan-nies. Ringrazzjament imur lill-istakeholders kollha li mhux biss ħaddmu din il-liġi imma fl-aħħar xhur ressqu suġġerimenti għal titjib ulterjuri għall-ġid tas-soċjetà li lkoll ngħixu fiha.