"Ma ħadx pjaċir bil-każ tal-Panama imma qed nemmnu lil Konrad" sostna l-Prim Ministru Joseph Muscat ilejla u qal illi waqt li hu ddeċieda, hu se jkun qed iġorr ir-responsabilita' tad-deċiżjonijiet li jieħu. Huwa qal illi meta l-Kap tal-Oppożizzjoni qal li ħadd ħlief Konrad Mizzi m'għandu kont jew kumpanija fil-Panama, kien qiegħed "fl-aħħar" jammetti li hu m'għandu ebda kont jew kumpanija f'dan il-pajjiż. Allegazzjoni li ilha tkun insinwata mill-Partit Nazzjonalista. "Nafu fejn żbaljajna u ħadna azzjoni u se naħdmu biex inkomlu nagħmlu s-suċċess" qal Muscat.
"Hija tal-mistħija li tiġi fil-Parlament u tagħmel thedida sottili lill-kandidatura ta' Leo Brincat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri," qal Muscat għal dak li stqarr Busuttil ftit qabel. Busuttil staqsa x'wiċċ irid ikollu Leo Brincat imur għall-grilling u qal li jekk jivvota favur Konrad Mizzi "se tinxtewa".
Il-Prim Ministru Muscat fakkar illi jekk kien hemm xi ħadd li ħa direct orders kien Busuttil mhux hu "u jekk hemm xi ħadd li għandu miljun ewro fil-kont tal-bank, huwa l-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami." Muscat sfida lil Busuttil u qal li,"jekk verament taqbel ma' dak li qal il-Ministru Bartolo, irtira s-sistema taċ-Cedoli li Bartolo iktar qabel sejħilha mod kif iddur mal-Liġi tal-Finanzjament tal-Partiti"
Dan il-Gvern huwa differenti, sostna Muscat, għax jisma u lest li jaġġixxi "imma l-Oppożizzjoni bla kredibilita' u titkellem b'ton arrioganti, b'Kap li jaħseb li għandu monopolju fuq x'jaħsbu n-nies, qisu hu jitkellem għall-poplu Malti u ħaddieħor jitkellem għall-annimnali. Minn fejn ġabha din li jaħseb li għandi xi dritt divin li jmexxi?" staqsa Muscat għall-approvazzjoni tad-Deputati Laburisti