Jidher ċar mill-istħarriġ tal-Maltatoday ippublikat nhar il-Ħadd li għadda li l-iswitchers, jew dawk li fl-aħħar elezzjoni ġenerali vvutaw lill-Partit Laburista għall-ewwel darba, ma tantx huma impressjonati la bil-Gvern u Joseph Muscat u lanqas bil-Partit Nazzjonalista u Simon Busuttil.
Fil-fatt kieku kellha ssir elezzjoni illum, il-maġġoranza assoluta ta' dawk li jissejħu switchers lanqas biss jivvutaw . L-istħarriġ juri kif 54.2% ta' dawk li vvutaw PL għall-ewwel darba fl-2013 ma jivvutawx f'elezzjoni illum, filwaqt li huma biss 8.3% ta' dawn li jerġgħu jivvutaw lill-Partit Laburista. Dan jindika illi preżentement il-PL qed jitlef kważi l-voti kollha li kien kiseb fl-2013 għall-ewwel darba.
Minkejja dan il-PN mhux qed jirbaħ dawn l-istess votanti lura u huma biss 12.5% tal-iswitchers li jerġgħu jivvutaw lill-PN kieku ssir elezzjoni illum. Għalkemm l-istħarriġ tal-Maltatoday juri illi hemm iktar switchers li jerġgħu jivvutaw lill-PN minflok il-PL, Joseph Muscat xorta jibqa' iktar popolari ma' dawn il-votanti.
Fil-fatt, 16.7% tal-iswitchers jafdaw lil Muscat aktar minn Busuttil, filwaqt li l-istess persentaġġ li llum jivvutaw lill-PN jew 12.5%, jafdaw aktar lill-Busuttil. Minkejja dan, 62.7% ma jafdaw la lil wieħed u lanqas lill-ieħor.