L-ebda deputata mhi favur

Mal-ILLUM l-ebda waħda mid-disa’ deputati nisa ma tesprimi ruħha favur il-morning after pill

Mid-disa’ deputati Parlamentari nisa, ħadd m’esprima ruħu favur il-legalizzazzjoni tal-morning after pill, jew pillola meħuda mill-mara bħala forma ta’ kontraċettiv wara l-att sesswali. L-ILLUM għamlet kuntatt ma’ kull deputata Parlamentari, erbgħa min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, tlieta mill-Partit Laburista u waħda indipendenti u staqsiethom jekk jaqblux li din il-pillola tkun legalizzata.

Minn dawn, erba’ deputati wieġbu li ma jaqblux, tnejn illimitaw ir-risposta tagħhom għall-abort biss u d-deputati nisa min-naħa tal-Gvern, jew ma weġbux jew qalu li għadhom indeċiżi.

L-iktar deputata assertiva u inekwivoka fir-risposta tagħha kontra l-legalizzar tal-morning after pill kienet Claudette Buttigieg li għall-mistoqsija tal-ILLUM, pronta qalet li, “jien kontra kull ħaġa li għandha x’taqsam mal-abort.” Mistoqsija, imma biex twieġeb speċifikament dwar il-pillola, Buttigieg qalet “iva jien kontra ħafna,” u temmet tispjega kif “dwar din il-kwistjoni ma nħoss li għandi bżonn l-ebda forma ta’ gwida.”

Deputata oħra li esprimiet ruħha kontra, hija l-eks-Ministru tal-PN għal Għawdex Giovanna Debono li mal-ILLUM sostniet li, “din il-pillola tista’ tkun abortiva u allura, la m’hemmx ċertezza, inħoss li ma nistax nieħu r-riskju.”

Għalkemm inqas ċerta minn Debono u Buttigieg, id-deputata Nazzjonalista Kristy Debono, filwaqt li saħqet li hija kompletament kontra l-abort, qalet lil din il-gazzetta li dwar il-morning after pill għad trid tara l-argumenti u tindaga iktar. Sostniet iżda li, “iktar naħseb li jien kontra milli favur.”

Ir-raba’ deputata li kienet ċara fil-ħsieb tagħha kontra l-legalizzar ta’ din il-pillola hija Marlene Farrugia. Għalkemm mal-ILLUM reġgħet sostniet dwar l-importanza li “jkollna dibatittu miftuħ, speċjalment fid-dawl ta’ argumenti xjentifiċi differenti,” hi xorta sostniet li “sakemm nibqgħu ma nkunux ċerti li din il-pillola ma titterminax il-ħajja ta’ tarbija, mela allura le, ma nistax nagħti l-appoġġ tiegħi għall-morning after pill.”

Intant, żewġ deputati nisa oħra min-naħa tal-Partit Nazzjonalista, għall-mistoqsija dwar il-morning after pill taw lill-ILLUM risposta dwar l-abort. Fil-fatt, fir-risposta identika tagħhom, kemm Marthese Portelli kif ukoll Paula Mifsud Bonnici qalu li l-Partit Nazzjonalista “kien, għadu u jibqa’ kontra l-abort.” Dwar il-protest ġudizzjarju li għamlu iktar minn 100 mara din il-ġimgħa, l-istess deputati jgħidu li l-partit “se jiddiskuti l-aspetti legali, etiċi u politiċi tiegħu fl-istrutturi interni.”

“sakemm nibqgħu ma nkunux ċerti li din il-pillola ma titterminax il-ħajja ta’ tarbija, mela allura le, ma nistax nagħti l-appoġġ tiegħi għall-morning after pill.” Marlene Farrugia

It-tliet deputati min-naħa tal-Partit Laburista, jew ma tawx risposta lil din il-gazzetta jew stqarru li għad iridu jiddeċiedu. Fil-fatt, is-Segretarju Parlamentari Deborah Schembri qalet li għalkemm f’dawn il-kwistjonijiet hi ġeneralment ikollha pożizzjoni ċara, fuq il-morning after pill tixtieq tevalwa aktar l-argumenti favur u kontra, “biex inkun nista’ nibni opinjoni aħjar.” Id-deputata Laburista li kienet żvelat li hi kontra l-iffriżar tal-embrijuni f’intervista ma’ din il-gazzetta fl-4 ta’ Ottubru 2015 spjegat kif “normalment, fuq kwistjonijiet bħall-abort u ffriżar tal-embrijuni għandi pożizzjoni ċara kontra. Dwar din iżda nħoss li għadni m’iniex infurmata biżżejjed biex nagħti pożizzjoni ċara.”

Il-Ministru Helena Dalli, f’risposta pjuttost xotta, qalet biss li hi għandha l-opinjoni tagħha dwar din il-materja iżda li din “se niddiskutiha internament.” Risposta simili tagħtielna s-Segretarju Parlamentari Għawdxija Justyne Caruana li għall-mistoqsija tal-ILLUM dwar il-pożizzjoni tagħha fuq il-morning after pill, qalet biss li trid tinforma ruħha aktar dwar is-suġġett “u se nesprimi l-opinjoni tiegħi internament wara diskussjoni.”

 

More in Politika