L-inkjesta tal-Allied Group ma tismax liż-żewġ xhieda prinċipali

Keith Schembri u Adrian Hillman ma jintalbux jidhru quddiem inkjesta wara akkużi kontrihom

L-imħallef Emeritu Giovanni Bonello | Adrian Hillman | Keith Schembri
L-imħallef Emeritu Giovanni Bonello | Adrian Hillman | Keith Schembri

Minkejja li l-inkjesta li fetaħ il-grupp Allied, immexxija mill-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello, issa hija magħluqa, l-ILLUM tinsab infurmata li ż-żewġ xhieda l-aktar importanti u fiċ-ċentru tal-akkużi kollha ma kinux investigati.

Fil-fatt, id-Direttur Maniġerjali tal-Allied Group kellu jirreżenja wara allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu mill-blogger Daphne Caruana Galizia. Fuq il-blog tagħha hi kienet allegat li Hillman kien qed jirċievi ħlas illeċtu għal pjaċir jew xi forma ta’ qbil mal-kumpanija Kasco, immexxija miċ-Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Keith Schembri. Kemm Hillman kif ukoll Schembri ċaħdu kull allegazzjoni fil-konfront tagħhom.

Minkejja li l-akkużi prinċipali kienu fuq dawn it-tnejn, l-ILLUM hija infurmata li la Hillman u lanqas Schembri ma kienu msejħin biex jidhru quddiem il-bord ta’ inkjesta. L-ILLUM tinsab infurmata wkoll li l-eżitu tal-inkjesta ġie mgħoddi lill-bord tal-Allied Group. Mhux magħruf x’deċiżjonijiet ittieħdu mill-istess bord wara li l-eżitu tal-inkjesta ‘Bonello’ ġiet diskussa.

Hillman kellu jirriżenja mill-kariga tiegħu b’dik li skont il-protokoll hija magħrufa bħala ‘contructive resignation’ hekk kif il-pożizzjoni tiegħu fil-kumpanija ma baqgħetx waħda tenibbli. Mhux magħruf jekk Hillman hux se jkun qed jipproċedi b’xi mod kontra Allied Group.   

More in Politika