Scicluna jrid bojkott fuq Gasan u Tumas… imma jinsab waħdu

Il-proposta ta’ boycott ma ssibx l-appoġġ tal-ambjentalisti li tkellmu mal-ILLUM

Martin Scicluna jipproponi bojkott fuq il-prodotti u s-servizzi ta' Gasan u Tumas
Martin Scicluna jipproponi bojkott fuq il-prodotti u s-servizzi ta' Gasan u Tumas

B’reazzjoni għall-kwistjoni tal-permessi għal bini għoli f’Tas-Sliema u fl-Imrieħel, wieħed mill-aktar suġġerimenti kontroversjali li saru, kien dak ta’ Martin Scicluna, li ssuġġerixxa bojkott fuq il-prodotti u s-servizzi kollha tal-kumpaniji ta’ Gasan u Tumas. Huwa saħansitra propona bojkott fuq karozzi u muturi li timporta d-ditta ta’ Gasan u l-użu tal-kumpanija tal-assikurazzjoni tal-istess grupp, flimkien ma’ bojkott fuq il-lukanda Hilton u l-Casino ‘Oracle’, it-tnejn ta’ Tumas.

Minkejja li Scicluna għamel dan l-appell lill-għaqdiet ambjentali f’pajjiżna, l-ebda waħda mill-erba’ għaqdiet ambjentali, l-Alternattiva Demokratika u lanqas is-Sindku Slimiż, ilkoll ikkuntattjati mill-ILLUM, ma jaqblu ma’ din il-proposta.

Filwaqt li Carmel Caccopardo jsejjaħlu “arma qadima”, is-Sindku ta’ Tas-Sliema, Anthony Chircop fakkar kif bojcott jista’ jeffetwa b’mod dirett impjiegi mhux neċessarjament relatati mal-bini tat-torrijiet.

Minflok bojkott fuq il-kumpanji u s-servizzi tagħhom dawk kollha li tkellmu mal-ILLUM għajr għal Maria Grazia Cassar minn Din l-Art Ħelwa, kollha ssuġġerew bojkott fuq ix-xiri ta’ bonds direttament relatati maż-żewġ proġetti.

Dawn huma l-prodotti u s-servizzi li Martin Scicluna jissuġġerixxi li jsir bojkott fuqhom
Dawn huma l-prodotti u s-servizzi li Martin Scicluna jissuġġerixxi li jsir bojkott fuqhom

L-Awtorità tal-Ippjanar għandha tipproteġi ċ-ċittadini kollha u mhux tiffavorixxi l-ispekulatur

Astrid Vella, stqarret mal-ILLUM li ‘Flimkien għal Ambjent Aħjar’, jemmnu li “l-pubbliku għandu jiġi mħeġġeġ biex ikun kawt meta jikkunsidra x-xiri ta’ bonds użati biex jiġu finanzjati dawn it-torrijiet mostrużi.” Vella saħqet li l-Malta Financial Services Authority (MFSA) għandha tagħmel skrutinju aħjar dwar il-bonds u tinsisti li dawn ikunu verifikati minn aġenziji ċertifikati mill-UE. Vella stqarret li “l-publiku għandu d-dritt ikun infurmat dwar il-perikli li jġibu magħhom bonds li ma jkunux  garantiti u lanqas klassifikati.”

Astrid Vella - Flimkien għal Ambjent Aħjar | Arnold Cassola u Carmel Cacopardo - AD
Astrid Vella - Flimkien għal Ambjent Aħjar | Arnold Cassola u Carmel Cacopardo - AD

‘Jekk kumpanija m’għandhiex relazzjoni diretta mal-proġett, m’għandhiex tkun fil-mira ta’ bojkott’
Min-naħa tal-Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo saħaq li bħalma diġà stqarr fil-blog tiegħu, huwa jemmen li filwaqt li l-iskop ta’ bojkott għas-servizzi u prodotti għandu intenzjonijiet tajba, dan huwa arma qadima u effettiva biss fuq tul ta’ żmien.
Cacopardo issuġġerixxa fil-blog tiegħu li jkun iktar għaqli li l-familja ambjentalista tpoġġi fil-mira direttament il-proċess tal-finanzjament tal-proġetti nfushom, permezz ta’ bojkott fuq il-bonds li jridu jinħarġu u l-bank u l-istockbroker li jieħdu ħsieb is-sejħa għax-xiri tal-bonds.

“Azzjoni ta’ din ix-xorta tista’ tkun iktar effettiva għax l-impatt tagħha jkun direttament relatat mal-proġetti tat-torrijiet tal-Imrieħel u Townsquare infushom,” saħaq Caccopardo

Iċ-chairperson tal-Alternattiva Demokaratika, Arnold Cassola sostna li l-AD temmen li mhux sew li jsir bojkott fuq prodotti li m’għandhomx x’jaqsmu direttament mal-bini tat-torrijiet. Cassola saħaq li jekk per eżempju kumpanija tal-assigurazzjoni m’għandhiex relazzjoni diretta mal-proġett, minkejja li hi tal-istess sid, din m’għandhiex tkun fil-mira ta’ bojkott.

Bħal Astrid Vella u oħrajn, Cassola jemmen li kwalunkwe restrizzjoni għandha ssir fuq livell finanzjarju minn banek u istituzzjonijiet finanzjarji sabiex ma japprovawx il-bejgħ tal-bonds qabel ikollhom verifika ċara dwar l-iffinanzjar tal-proġetti. Jekk il-pubbliku għandu jagħmel xi forma ta’ bojkott, tal-inqas għandu jkun fin-nuqqas ta’ xiri ta’ bonds u ishma relatati mal-proġetti tat-torrijiet.

Din l-Art Ħelwa ma tħossx li għandhom jieħdu pożizzjoni uffiċjali biex isir bojkott fuq l-iżviluppaturi
Maria Grazia Cassar minn Din l-Art Ħelwa sostniet li l-għaqda qiegħda tieħu kull pass neċessarju skont il-liġi biex jiġu revokati ż-żewġ permessi tal-Imrieħel u ta' Townsquare rispettivament. DLĦ jemmnu li dawn il-proġetti se jbiddlu l-identità ta’ Malta għal dejjem. Minkejja dan, huma ma jħossux li għandhom jieħdu pożizzjoni uffiċjali biex isir bojkott fuq l-iżviluppaturi u l-periti tagħhom, iżda kulħadd huwa liberu li jimxi skond il-fehma personali tiegħu.

Din l-Art Helwa temmen li l-permessi għall-bini għoli m'għandhomx jingħataw qabel ma  jkun hemm masterplan għal Malta dwar dan il-tip ta' żvilupp u wara li jsiru l-istudji dwar l-impatt li dawn se jħallu.
“Il-fehma taċ-ċittadin għandha tinstema’ qabel dik tal-iżviluppatur, u l-Awtorità tal-Ippjanar għandha d-dmir tipproteġi ċ-ċittadini kollha u mhux tiffavorixxi l-ispekulatur,” temmet tgħid Cassar.
 

Maria Grazia Cassar - Din l-Art Ħelwa | Martin Galea De Giovanni - Friends Of the Earth
Maria Grazia Cassar - Din l-Art Ħelwa | Martin Galea De Giovanni - Friends Of the Earth

‘Ħaġa bħal bojkott għanda tiġi diskussa fid-dettall qabel ma wieħed iħeġġeġ lin-nies ma jużawx xi servizzi’

Martin Galea De Giovanni minn Friends of the Earth, saħaq li filwaqt li l-organizzazjoni għadha ma ħarġitx stqarrija uffiċjali, jemmen li xi ħaġa bħal bojkott għandha tiġi diskussa sew fid-dettal qabel ma wieħed jaqbad u jħeġġeġ lin-nies ma jużawx xi servizzi jew jixrtru xi prodotti. Huwa jemmen ukoll bħall-oħrajn, li l-aħjar soluzzjoni tintlaħaq permezz ta’ restrizzjoni mix-xiri ta’ bonds relatati direttament mat-torrijiet.

‘Bojkott jista’ jaffetwa ħażin il-kumpanija u l-impjiegi’

Din il-gazzetta tkellmet ukoll mas-sindku ta’ Tas-Sliema, Anthony Chircop, li saħaq li personalment  huwa jemmen li jekk hemm xi diffikultà u nuqqas ta’ qbil dwar il-permessi tat-torrijiet, dawn għandhom jiġu indirizzati skont l-istruttura legali tal-pajjiż, u mhux permezz ta’ bojkott min-naħa tal-pubbliku li jista’ jaffetwa kumpaniji u impjiegi li mhumiex direttament relatati mal-proġetti tat-torrijiet. 

Wara li jkunu ġew eżawriti l-possibbiltajiet legali kollha biss, imbagħad għandhom jiġu kkunsdirati miżuri alternattivi.

Anthony Chircop - Sindku Tas-Sliema | Andrè Callus - Moviment Graffiti
Anthony Chircop - Sindku Tas-Sliema | Andrè Callus - Moviment Graffiti

‘Bħala prinċipju, bojkott huwa xi ħaġa ġusta’

“Bħala principju, bojkott huwa ħaġa ġusta,” jemmen André Callus, mill-moviment Graffiti, “iżda qabel jiġi implimentat irid isir studju dettaljat ta’ mod sistematiku ta’ kif dan jista’ jaħdem f’kuntest partikolari, f’dan il-każ fir-rigward tat-torrijiet f’Tas-Sliema u l-Imrieħel.”

Callus saħaq mal-ILLUM li jekk għandu jiġi kunsidrat bojkott, l-għaqdiet kollha għandhom jinġabru u jeżaminaw jekk jaħdimx f’dan il-kuntest partikolari u jevalwaw fid-dettal l-impatti kollha li dan jista’ jħalli.
“Kemm fejn jidħlu bonds, kif ukoll il-prodotti u s-servizzi ta’ Gasan u Tumas,” spjega Callus, “ma tistax tinqata’ linja dritta, u wieħed irid jara min qed jixtri u jinvesti f’bonds, u bl-istess mod, min qed jixtri, juża u jaċċessa l-prodotti.” Huwa żied jgħid li qabel isir ebda tip ta’ bojkott, irid jiġi stabbilit x’effett se jħalli dan fuq il-kawza ta’ kontra t-torrijiet.

“Aktar minn bojkott ta’ prodotti, aktar għandha ssir pressjoni fuq iż-żewġ partiti u l-banek sabiex anke min-naħa tagħhom isir studju aħjar qabel jinħarġu permessi għal dawn it-tip ta’ proġetti,” temm jgħid Callus.

More in Politika