Fi stqarrija li għamlet ‘Din l-Art Ħelwa’, il-Gvern qed jiġi mħeġġeġ li hekk kif issa l-fdalijiet tal-lukanda Jerma se jitwaqqgħu, u l-art offruta għall-bejgħ, huwa għandu jieħu din l-opportunità biex jerġa jbiddel ż-żona fi spazju miftuħ għall-pubbliku.
“Malta diġà mibnija żżejjed,” saħqu DLĦ, “u l-Gvern għandu jistinka aktar sabiex joħloq spazji għat-tgawdija tal-pubbliku, minflok jiżviluppa kull pulzier art għall-gwadann finanzjarju”
Din l-Art Ħelwa qalu wkoll li l-kosta għanda tibqa’ ħielsa minn bini u ostruzzjonijiet. Infatti, anke membri mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala urew ix-xewqa tagħhom biex is-sit fejn qabel kienet tinsab il-Jerma isir żona pubblika. Din l-Art Ħelwa tagħti l-appoġġ kollhu tagħha għal din ix-xewqa.
Minbarra r-rovini tal-eks lukanda, fuq l-istess sit jinstab ukoll it-Torri ta’ San Tumas, mibni mill-Kavallieri ta’ San Gwann fl-1614 bħala parti mid-difiża tal-kosta. Din l-Art Ħelwa mhux biss qed tħeġġeġ lill-Gvern biex mhux biss biex il-forti jiġi restawrat, iżda li bit-tneħħija tal-bini delapitat tal-eks Jerma, il-bajja ta’ San Tumas terġa tingħata d-dehra oriġinali tagħha ta’ kosta misftuħa.
Din l-Art Ħelwa temmet tgħid li “Din hija opportunità oħra għall-Gvern biex juri li jagħti kas l-ambjent u sabiex il-pajjiż jerġa’ jikseb lura parti mill-kosta li tilef, biex ikun jista' jgawdiha kullħadd, u mhux biss ftit privileġġjati”