Konkluża l-investigazzjoni dwar il-fond tal-Korp

L-investigazzjonijiet dwar akkużi ta’ flus li ttieħdu mill-fond tal-Korp tal-Pulizija, għad-detriment tal-membri, jinsabu konklużi

Il-Kummmissarju tal-Pulizija talab lill-POU biex jwaqqfu d-direttivi
Il-Kummmissarju tal-Pulizija talab lill-POU biex jwaqqfu d-direttivi

L-investigazzjonijiet dwar akkużi ta’ flus li ttieħdu mill-fond tal-Korp tal-Pulizija, għad-detriment tal-membri kollha li huma obbligati jitfgħu mid-dħul tagħhom fih, jinsabu konklużi. Ir-riżultati ta’ dawn l-investigazzjonijet issa jinsabu wkoll quddiem is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali.

L-investigazzjoni mmexxija mid-Dipartiment tal-Awditjar u Investigazzjoni Interna (IAID) inbdiet wara li l-Police Officers Union (POU) immexxija mill-Ispettur Sandro Camilleri, kienu staqsew kif f’fond li fih kull membru jitfa’ €14 u kull Spettur jitfa’ €21 kull tliet xhur u li ilu jopera mill-1919, kien għad fadallu biss €8,000.

Il-Kummissarju jipproponi bord li jevalwa l-fond tal-Korp... imma jitlob lill-POU jwaqqfu d-direttivi

Intant dan is-sit hwa nfurmat ukoll li l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar talab lill-Police Officers Union (POU) biex iwaqqfu direttiva li għaddejja bħalissa mill-membri tal-union u li qed titlob biex ma jsirx ħlas fil-forma ta’ miżata obbligatorja li jmur f’dan il-fond.

Mal-ILLUM, Camilleri fakkar li din il-miżura obbligatorja kienet ta’ €13.98 kull tliet xhur għall-Pulizija u €21 għall-istess perjodu għall-Ispetturi. “Dan ifisser li kien hemm ftit iktar minn €1 miljun f’dan il-fond, u f’daqqa waħda, permezz ta’ Mistoqsija Parlamentari nsiru nafu li hemm biss €8,000.”

Dawn il-flus kienu jmorru għall-festini u attivitajiet tal-Korp, attivitajiet tal- organizzati għall-membri tal-familja, ħlas lill-familja f’każ ta’ mewt tal-membru kif ukoll spejjeż oħrajn relatati.

Ma’ dan is-sit, Camilleri jispjega kif il-POU ma taqbilx mat-talba tal-Kummissarju, minkejja li spjega wkoll kif mal-Kummissarju Cutajar qed jaħdmu tajjeb ħafna u qablu li tal-anqas, jinħatar bord biex mil-lum ’il quddiem ikun evalwat u skrutinizzat l-operat tal-istess fond.

Camilleri qal mal-ILLUM li anke jekk dan huwa pass pożittiv, il-POU tinsab reżoluta li tkompli titlob għall-informazzjoni kollha ‘sakemm il-pulizija jkunu jafu fejn, jew għand min marru flushom.’

Anke jekk l-investigazzjonijiet huma konklużi, jidher li Camilleri mhux se jkun sodisfatt biżżejjed bihom minħabba li dawn imorru lura għal tliet snin biss. ‘Għalfejn l-investigazzjoni qed tmur lura għal tliet snin, minflok aktar. ‘Għalfejn tliet snin biss? Għalfejn mhux qed jinvestigaw x’ġara minn dawn il-flus fl-aħħar 10 snin? Dawn fondi li ħallsu l-Pulizija. Mhux skandaluż li ħadd ma jaf fejn u għand minn marru dawn il-flus?”

Intant, Camilleri reġa’ kkonferma li għaddejjin diskussjonijiet  dwar il-kwistjoni tal-overtime bit-talba tal-POU tkun li l-Gvern għandu mqar iħallas €14-il miljun mill-€50 miljun dovuti fuq xogħol li sar lil hinn mill-ħinijiet stabbiliti. Dan wara li l-Pulizija ma kinux wasslu f’kompormess mal-Gvern Nazzjonalista preċedenti. 

More in Politika