Se jkunu ssikkati r-regoli kontra x-xorb u s-sewqan

...Il-Gvern jipproponi li jerġa jitniżżel l-ammont ta' alkoħol li wieħed jkun jista' jikkonsma qabel isuq 

Il-Gvern nieda Politika Nazzjonali Dwar l-Alkoħol
Il-Gvern nieda Politika Nazzjonali Dwar l-Alkoħol

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia nieda d-dokument tal-Politika Nazzjonali dwar l-Alkoħol għal konsultazzjoni pubblika. Il-Ministru Farrugia qal li dan id-dokument kien diskuss u maqbul bejn is-Sense Group, l-MHRA u l-GRTU, flimkien mal-membri tan-National Addictions Advisory Board fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali.

Dr Farrugia fisser li dan id-dokument qed iressaq għadd ta’ proposti li permezz tagħhom se jkunu indirizzati numru ta’ sfidi, fosthom ix-xorb fost dawk li għandhom inqas minn sbatax-il sena, li jinħoloq aktar għarfien dwar l-użu eċċessiv tax-xorb, filwaqt li tiġi indirizzata l-problema tas-sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol. Il-Ministru Michael Farrugia semma numru ta’ azzjonijiet li qed jiġu proposti kif ġej:

Infurzar ta’ leġiżlazzjoni bit-tama li tillimita bl-aktar mod tanġibbli l-bejgħ, ix-xiri, il-konsum u l-provvista ta’ prodotti tal-alkoħol lil dawk taħt is-sbatax-il sena;

Rikjest li l-bejjiegħa tal-prodotti tal-alkoħol ipoġġu avviż ċar u prominenti dwar il-projbizzjoni ta’ bejgħ ta’ alkoħol lill-minuri, u f’każi ta’ dubju jkun rikjest li kull min jixtri l-alkoħol irid jipprovdi evidenza li għandu l-età skont il-liġi;

Pieni aktar ħorox għall-bejjiegħa u d-distributuri li jinstabu ħatja li kisru l-liġi;

F’supermarkets u ħwienet oħrajn, il-prodotti tal-alkoħol għandhom jiġu stivati f’sezzjoni separata minn fejn ikun hemm prodotti oħrajn għall-bejgħ;

Jiġu introdotti programmi ta’ tagħlim fuq il-mezzi tax-xandir biex tinħoloq kuxjenza fil-media dwar l-alkoħol;

Id-distribuzzjoni ta’ prodotti tal-alkoħol b’xejn (inklużi ħwejjeġ bir-reklami fosthom t-shirts, ashtrays, tazzi, mugs, eċċ) m’għandhomx jiġu f’idejn il-minuri;

Il-bejjiegħa u l-manifatturi tal-alkoħol għandhom iwaqqfu fund għall-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali jew aġenzija appuntata minnu, għal kampanji edukattivi ta’ rijabilitazzjoni mill-alkoħol;

Jiġi pprovdut aċċess miftuħ għal edukazzjoni effettiva u komprensiva immirati lejn skejjel primarji, sekondarji, sixth form u livelli vokazzjonali, kif ukoll lill-ġenituri dwar l-użu tal-alkoħol, permezz ta’ tagħrif  promozzjonali dwar prinċipji ta’ saħħa bit-tama li jiġu involuti organizzazzjonijiet edukattivi ta’ żgħażagħ u professjonisti;

Tipprovdi l-miżuri preventivi relevanti u indikattivi li jagħtu support lil dawk taħt l-età ta’ sbatax-il sena li waqgħu fil-vizzju tal-alkoħol;

Jiġi mmonitorjat u kkontrollat l-impatt fuq il-prezz tal-ħsara kawża tal-alkoħol;

Jiġi introdott l-obbligu fuq l-istabbilimenti biex ma jservux xorb lil dawk li jidhru u jkunu xurbana;

Tiżdied ir-responsabbiltà fost dawk li jservu x-xorb (dawk li jipprovdu l-alkoħol għandhom jinżammu responsabbli tal-konsegwenzi ta’ prattiċi mhux xierqa);

Jiġi żviluppat mekkaniżmu li jrażżan il-konsum ta’ alkoħol eċċessiv f’attivitajiet tal-massa fejn hemm aktar ċans li l-vjolenza tista’ teskala.

Jiġi emendat l-Att dwar l-Awtorità tas-Saħħa u Ħarsien fuq il-Post tax-Xogħol (Chapter 424, Act XXVIII of 2000) li jindirizza l-użu żbaljat tal-alkoħol fuq il-post tax-xogħol u jemenda b’mod mandatorju li kull post tax-xogħol jinforza/jaderixxi/jadotta l-Alcohol Policy.

Action 18: Li tiġi emendata l-liġi li tagħti l-poter lill-membri tas-sigurtà li jkunu jistgħu jagħmlu testijiet tan-nifs fid-diskrezzjoni tagħhom.

Il-limitu tal-BAC li għandu jinżel għal 0.2g/l għal sewwieqa novizzi li jkollhom liċenzja tas-sewqan tonqos minn sentejn, bil-mutur, sewwieqa ta’ trakkijiet li jiżnu aktar minn 3.5 tunnellata, jew iġorru materjal perikoluż.

Sewwieqa li jġorru passiġġiera bi ħlas (taxis, tal-linja u minibuses) il-limitu ta’ BAC għandu jitniżżel għal 0.

Tiġi emendata l-liġi biex il-limitu tal-BAC jitniżżel minn 0.8 għal 0.5 g/l għal sewwieqa oħra.

Tiġi emendata l-liġi biex ikun hemm pieni aktar ħorox għal dawk li jinqabdu jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol.

Għandha tiġi introdotta sistema fejn persuni riċedivi jintbagħtu biex jagħmlu terapija mill-abbuż tal-alkoħol b’mod mandatorju, qabel jingħataw il-liċenzja lura.

 

Għandhom isiru kampanji favur sewwieq magħżul minn sħabu biex ma jixrobx (designated driver).

 

More in Politika