'Aħna qed ngħinu biex il-presidenza tkun ta' suċċess'

Hu qal li bosta pajjiżi żgħar tal-Unjoni Ewropea jkollhom l-ewwel Presidenza tagħhom ta’ suċċess


Il-Kummissjoni Ewropea għandha tiddeċiedi fuq il-kuntratt tal-Power Station u jekk dan hux skont il-liġijiet Ewropej b’mod immedjat. Dan fid-dawl li minkejja li għaddejja din l-investigazzjoni, l-Gvern baqa’ jwebbes rasu u bena l-Power Station u se jkun qed idaħħal it-tanker tal-gass fil-bajja ta’ Marsaxlokk fil-jiem li ġejjin. 
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista appella lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea biex iwassal il-messaġġ biex l-investigazzjoni, li ilha għaddejja sentejn, tiġi konkluża kemm jista’ jkun malajr. 
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar it-trasparenza, u fakkar f’dak li qalet Transparency International fil-ġimgħat li għaddew, jiġifieri li “Malta għandha tnaddaf id-diżastru tal-korruzzjoni”. Hu qal li l-Gvern Malti qed jonqos milli jippubblika l-kuntratti ewlenin li ffirma f’dawn it-tliet snin u nofs, fosthom ilprivatizzazzjoni tas-settur tal-enerġija u l-privatizzazzjoni tat-tliet sptarijiet. “Biex l-affarijiet jikkumplikaw rwieħhom, il-persuni responsabbli minn dawn il-kuntratti nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieta fil-Panama,” qal Simon Busuttil. 
Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista qed jagħti l-appoġġ kollu tiegħu biex il-Presidenza Maltija tal-Unjoni Ewropea tkun waħda ta’ suċċess. Hu qal li bosta pajjiżi żgħar tal-Unjoni Ewropea jkollhom l-ewwel Presidenza tagħhom ta’ suċċess. Fl-aħħarnett, hu sostna li hu kburi li l-Partit Nazzjonalista hu l-partit li tant ħadem biex Malta ssieħbet fl-Unjoni Ewropea.  
 

More in Politika