Dalgħodu, d-deputat Speaker tal-Kamra tad-Deputati Ċensu Galea mexxa seduta oħra tal-Parlament tan-Nanniet. Matul din il-laqgħa, diversi kelliema tkellmu dwar bosta suġġetti relatati mas-sehem tan-nanniet fis-soċjetà, u b’mod partikulari l-għajnuna li huma jagħtu lill-uliedhom fiż-żamma b’għożża ta’ ulied uliedhom, jew aħjar, in-neputijiet tagħhom.
Matul din is-seduta, in-neputijiet tkellmu b’gratitudni, b’imħabba u b’rispett lejn in-nanniet tagħhom. Kelliema oħra tkellmu dwar is-saħħa mentali tan-nanniet, id-dritt lin-nanniet għandhom ikollhom sabiex jaraw u jgawdu lin-neputijiet, il-ħtieġa ta’ pensjoni xierqa lin-nanniet, ir-relazzjonijiet bejn it-tfal u n-nanniet, id-dimensja, u l-qafas legali tan-nanniet f’pajjiżna.
Diversi Membri Parlamentari taw ukoll is-sehem tagħhom waqt il-Parlament tan-Nanniet. Dawn kienu l-Ministru għal Għawdex Anton Refalo, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni għal Politika Soċjali Paula Mifsud Bonnici, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Politika Soċjali Robert Cutajar, Kelliemi tal-Oppożizzjoni għall-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal, Anzjani u Persuni b’Diżabilità, u l-Membri Maltin fil-Parlament Ewropew Marlene Mizzi u Roberta Metsola.
Fi tmiem din is-seduta tal-Parlament tan-Nanniet, ġiet approvata riżoluzzjoni favur iniżjattiva, maħsuba mill-Fondazzjoni Nanniet Malta, sabiex titressaq proposta fil-Parlament Ewropew għal rikonoxximwent uffiċjali ta’ Jum in-Nanniet fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.