Għal-Laburisti u l-iswitchers, it-traffiku ... għan-Nazzjonalisti, l-korruzzjoni

X'qed jinkwieta lill-poplu Malti bħalissa? Jiddependi.....

It-traffiku u l-korruzzjoni...
It-traffiku u l-korruzzjoni...

Jidher li t-traffiku huwa l-ikbar inkwiet tal-maġġoranza tal-poplu Malti… għan-Nazzjonalisti l-korruzzjoni, imma hija problema akbar.

Fi stħarriġ li għamlet il-gazzetta Maltatoday, dwar x’inhuma l-affarijiet li l-aktar qed jinkwetaw lill-poplu Malti, jidher biċ-ċar li l-iktar ħaġa li qegħda tinkwieta lill-Maltin bħalissa hija s-sitwazzjoni tat-traffiku. Infatti, b’żieda ta’ 17-il punt minn stħarriġ li kien sar f’Mejju li għadda, total ta’ 37% tan-nies ipoġġu t-traffiku fil-quċċata tal-inkwiet tagħhom.

Mill-istess stħarriġ, jirriżulta illi l-aspetti l-oħra tas-soċjetà Maltija li qed jinkwetaw lill-poplu kienu l-korruzzjoni, l-immigrazzjoni, l-ambjent, l-għoli tal-ħajja, l-ekonomija, l-impjiegi u l-‘Panama Papers’… fost affarijiet oħra. Ħaga ta’ min jinnota hija li minn nies kollha li ħadu sehem fl-istħarriġ, id-differenza bejn il-Laburisti u n-Nazzjonalisti kienet li filwaqt li għall-Laburisti l-ikbar inkwiet kien it-traffiku, b’total ta’ 38%, in-Nazzjonalisti huma aktar inkwetati dwar il-korruzzjoni, b’ammont ta’ 34%

L-iswitchers huma l-aktar inkwetati dwar it-traffiku, fil-fatt għal 50% ta’ dawk mistoqsijin u li fl-aħħar elezzjoni vvutaw PL għall-ewwel darba, din hija l-akbar problema tal-pajjiż bħalissa.

Minbarra t-traffiku u l-korruzzjoni, it-tielet l-ikbar inkwiet għall-poplu Malti hija l-immigrazzjoni, b’total ta’ 12%. Anke dwar l-immigrazzjoni, huma aktar il-Laburisti li juru t-tħassib tagħhom, b’differenza ta’ kważi 20% aktar min-Nazzjonalisti.

L-istħarriġ juri li l-poplu sar jinkwieta ħafna aktar dwar traffiku, immigrazzjoni u kwistjonijiet politiċi milli mil-għoli tal-ħajja u l-pagi baxxi, xi ħaġa li probabilment tirrifletti l-qagħda ekonomika b'saħħitha tal-pajjiż bħalissa. Jidher ukoll li 8.6%, li huma kollha Laburisti huma inkwetati dwar l-oppożizzjoni, u b’kuntrast, il-politiċi u l-Panama Papers huma aktar fuq moħħ in-Nazzjonalisti

It-Traffiku l-ikbar problema għal maġġoranza tal-poplu
It-Traffiku l-ikbar problema għal maġġoranza tal-poplu

More in Politika