Minkejja li l-Partit Laburista għadda minn diffikultajiet politiċi, dawk il-voti li qed jitlef il-Partit Laburista mhux qed igawdi minnhom il-Partit Nazzjonalista. Dan huwa l-mod illi bih Carmel Cacopardo, Viċi-Chairman tal-Alternattiva Demokratika jinterpreta r-riżultati tal-istħarriġ tal-gazzetta oħt Maltatoday illi wera’ kif ħafna votanti, speċjalment dawk tradizzjonalment Laburisti u anke ‘switchers’, jippreferu ma jivvutawx jew jibqgħu ‘fin-nofs’ milli jerġgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom lill-Partit Nazzjonalista.
F’kuntatt li din il-gazzetta għamlet miegħu, Cacopardo kien mistoqsi kif jinterpreta l-fatt li anke bħalissa, meta l-aktar li hemm nies diżillużi bil-partiti politiċi l-kbar, l-AD xorta tibqa’ ma ġġibx biżżejjed appoġġ. Cacopardo saħaq illi s-sistema elettorali kif inhi tiżvantaġġja sew lill-partiti ż-żgħar, hekk kif dak li jgħodd biex ikun elett persuna fil-parlament l-aktar huwa n-numru ‘1’.
Minkejja dan huwa qal li mhux qed jaqta’ qalbu u fakkar kif fl-aħħar elezzjoni, Michael Briguglio kien akkwista ‘l fuq minn 800 vot, meta tgħodd ukoll in-numri 2, 3 u aktar. “L-elezzjoni li ġejja se tkun l-ewwel waħda, kemm ilha teżisti l-Alternattiva Demokratika, illi fiha l-poplu se jkollu esperjenza ta’ Gvern Nazzjonalista u esperjenza wkoll ta’ leġiżlatura Laburista. Dawk li jħossu li ma jridux lit-tnejn, jistgħu jivvutaw lilna,” temm jgħid Cacopardo.