Matul id-diskors tal-Baġit, tħabbar kif se jkunu qed jinbnew tliet skejjel fis-sentejn li ġejjin: waħda f'San Pawl il-Baħar, Marsaskala u r-Rabat Għawdex.
Barra minn hekk, se jinfetaħ ċentru ieħor ġdid għall-ħarsien tat-tfal fl-iskola Primarja ta' San Ġiljan u tiġi estiża l-iskola Primarja tar-Rabat, Malta biex l-iskola topera minn binja waħda. Se tinbena wkoll sala ġdida fl-Iskola Sekondarja ta' Santa Luċija, waqt li jiġu estiżi u msebbħa l-faċilitaijiet edukattivi tal-Iskola Guardian Angel fil-Ħamrun u l-faċilitaijiet edukattivi ġodda għall-Iskola San Miguel Resource Centre.
Min-naħa l-oħra, l-istipendji se jkunu qed jerġgħu jiżdiedu pro-rata skont l-aġġustament tal-għoli tal-ħajja. Se jkun qed jingħata wkoll għall-ewwel darba l-istipendju lil dawk l-istudenti li jagħlqu 16-il sena u jkomplu jistudjaw u jitħarrġu fil-Programm ta’ Tagħlim Alternattiv f’Raħal Ġdid fil-Livell 3 tal-Qafas tal-Kwalifiki Malti fil-hospitality and customer care u fil-welding and fabrication.
Fil-kampus tal-MCAST, se jikompli x-xogħol fuq il-binjiet tal-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport, il-Librerija u l-Learning Support Unit.