B'reazzjoni għall-baġit tal-Gvern imħabbar għall-2017, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li dan huwa, "baġit kosmetiku ta gvern bla vizjoni," waqt li insista li pajjiżna jixraqlu Gvern li jagħtih baġit aħjar.
Simon Busuttil insista li dan il-baġit kien anti klimatiku minħabba li l-kontijiet tad-dawl u tal-ilma ma raħsux. Dan waqt li sostna li l-prezz internazzjonali taż-żejt waqa' b'żewġ terzi, "u allura kellu fejn inaqqas il-prezz tad-dawl u l-ilma. Bqajna mingħajr dan anke jekk l-Oppożizzjoni u numru ta' għaqdiet talbu għal dan."
Busuttil semma wkoll li f'dan il-baġit ma ssemmewx diversi kwistjonijiet, u allura, "il-kontijiet tad dawl u l-ilma se jibqgħu l-istess, in-nies se jibqgħu mwaħħlin fit-traffiku, il-ħaddiema tal-Air Malta se jibqgħu mitlufin fuq il-futur tagħhom u l-pazjenti tal-kanċer se jibqgħu jittalbu għall-mediċina tagħhom."
Fid-diskors b'reazzjoni għal Baġit, li Gvern sejjaħ bħala baġit soċjali, il-Kap tal-Oppożizzjoni saħaq li dan huwa baġit bla viżjoni f'diversi oqsma fost l-ambjent, fejn saħaq li l-ispiża tal-Gvern f'dan il-qasam, naqas b'€40 miljun.
Minkejja dan, Busuttil wera l-approvazzjoni tiegħu dwar diversi miżuri, li iżda qal li kien semmiehom il-Partit Nazzjonalista minn qabel, fil-mass meeting tal-Indipendenza u fil-pre-budget document tiegħu. "L-Oppożizzjoni tat roadmap soċjali, kemm fil-mass meeting tal-indipendenza u fil-pre-budget document. Dan kien baġit li sar 'cut and paste' minn baġits preċedenti bħall-miżuri li semma fuq Għawdex."
Dwar il-faqar, Simon Busuttil qal lil-Gvern ifalli t-test tal-Caritas, f'dan il-baġit tiegħu u jsostni li ż-żieda fil-pensjoni mhix biżżejjed għax l-ammont li bih mar lura fl-aħħar tliet snin, ma jpattix għalih, u xorta jibqgħu lura b'mhux inqas minn €200.
Finalment, Busuttil saħaq li fil-baġit, lanqas "ma smajna xejn dwar l-isfidi li qegħdin fuq ix-xefaq għal pajjiżna fuq livell iktar internazzjonali, bħall-bidliet fis-sistema ta' tassazzjoni ta' pajjiżna, dwar Brexit, u dwar x'se jiġri meta pajjiżna ma jibqax ikollu l-istess ammont ta' fondi mill-UE."