Il-Malta Developers Association (MDA) tilqa’ b’sodisfazzjon numru ta’ miżuri imħabbra fid-diskors tal-Baġit, miżuri li l-Gvern bi ħsiebu jieħu biex ikompli jsostni r-ritmu tajjeb li qabdet l-ekonomija ta’ pajjiżna f’dawn l-aħħar snin.
Fost dawn il-miżuri hemm numru li kienu ġew indikati lill-gvern mill-MDA waqt laqgħat ta’ konsultazzjoni li saru mal-awtoritajiet, fosthom:
- l-estensjoni tal-iskema li permezz tagħha l-first time buyers ikunu eżenti mill-ħlas ta’ taxxa tal-boll fuq l-ewwel €150,000;
- il-konċessjoni li se tingħata lil dawk li jkunu jrid jgħaddu n-negozju tagħhom lill-uliedhom billi fejn tidħol proprjetà ser iħallsu boll ta’ 1.5% flok 5%;
- inċentivi fiskali għal min jikri bi ftehim għal mhux anqas minn seba’ snin biex il-kerrej ikollu moħħu mistrieħ li għandu perijodu raġonevoli li fih ma jistax jitlef il-kirja;
- traħħis tal-boll għal min jixtri proprjetà f’Għawdex minn 5% għal 2%;
- it-tneħħija tal-anomalija li kienet teżisti billi partijiet ta’ strutturi li jkunu magħmula barra kellhom vantaġġ fuq dawk magħmula Malta minħabba s-sisa fuq is-siment;
- incentivi fiskali għal min jiżviluppa parkeġġi;
- it-tiġdid ta’ ċnus temporanji fejn il-gvern ikun is-sid; u
- skemi ta’ għajnuna finanzjarja fuq prodotti li jiffrankaw l-enerġija bħal ma huma il-heat pumps.
L-MDA tifhem ukoll illi f’sitwazzjoni fejn is-settur tal-kostruzzjoni sejjer tajjeb, dawk involuti f’dan is-settur għandhom jagħtu sehemhom lis-soċjetà biex ikun hawn aktar ġustizzja soċjali. Madankollu, tħoss li l-introduzzjoni ta’ sisa fuq materjal għal kostruzzjoni importat sejjer jeffettwa negattivament lill-konsumatur iż-żgħir li jkun qed jakkwista l-ewwel dar tiegħu.