Is-Siġġiewi 'salvata' minn 12-il razzett tal-baqar, wara biebha

Il-Qorti tal-Appell tagħti raġun lill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi...Is-Sindku Karol Aquilina jesprimi sodisfazzjon

Il-Qorti tal-Appell tilqa' l-appell tal-KL tas-Siġġiewi ... kontra 12-il razzet  tall-baqar
Il-Qorti tal-Appell tilqa' l-appell tal-KL tas-Siġġiewi ... kontra 12-il razzet tall-baqar

Aktar kmieni llum il-Qorti tal-Appell  laqgħet l-appell imressaq mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi  dwar il-permess (outline development permit) biex jinbnew 12-il razzett tal-baqar viċin id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Fis-sentenza tagħha l-Qorti qalet li d-deċiżjoni li ħa t-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar kienet żbaljata meta ma kkunsidrax kif suppost l-argumenti li ressaq il-Kunsill Lokali dwar is-sit magħżul mill-Gvern u s-siti alternattivi.

B'żieda mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell, il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi  għamilha ċara li llum-il ġurnata ma jeżisti l-ebda permess validu biex il-Gvern jkun jista’ jibni dawn l-irziezet viċin id-Dar tal-Providenza għaliex il-Gvern ma applikax fiż-żmien indikat fil-permess stess u ċjoè sad-9 ta' Awwissu 2016.
Is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina qal: “Wara snin ta’ ħidma mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kontra dan l-iżvilupp, illum l-Qorti tal-Appell tatna raġun. Minħabba f'hekk kif ukoll minħabba l-fatt li l-permess ilu aktar minn xahrejn li skada, illum nistgħu ngħidu li z-zona ta’ San Niklaw ġiet salvata minn żvilupp li ma jaqbel xejn ma’ din iz-zona tant viċin id-Dar tal-Providenza. Għalhekk qiegħed nappella lill-Gvern biex ġaladarba skada l-permess li kellu f’idejh, issa flimkien mal-Kunsill Lokali u mad-Dar tal-Providenza, nagħmlu sforz kollettiv biex iz-zona tad-Dar tal-Providenza tingħata status ta’ ħarsien speċjali”.
 
Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kien sa mill-bidu nett li ġiet ippreżentata din l-applikazzjoni fis-sena 2006, b’mod unanimu ressaq oġġezzjonijiet qawwija għal dan il-proġett tal-Gvern.
 
F’dawn il-proċeduri l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi kien assistit mill-Perit Carmel Cacopardo u mill-Avukat Carl Grech.

 

 

 

More in Politika