Fearne ipoġġi l-kuntratti bejn il-Gvern u Vitals fuq il-mejda tal-kamra

...Il-PN jgħid li hemm 60 paġna nieqsa...

Il-Ministru Chris Fearne
Il-Ministru Chris Fearne

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, illum poġġa fuq il-mejda tal-kamra, kopja tal-kuntratti li ġew iffirmati bejn il-Gvern u l-Vitals Global Healthcare (VGH).

Dawn il-kuntratti juru biċ-ċar, sostna l-Gvern, huwa li dak li ilu jgħid  li l-private public partnership bejn il-Gvern u l-VGH fl-isptarijiet San Luqa, Karen Grech u l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex huma ta’ ġid kbir għall-pazjent Malti u Għawdxi, għall-ħaddiema li jaħdmu fl-isptarijiet u għas-settur tas-saħħa fih innifsu.  Id-dokumenti mpoġġija fuq il-mejda tal-kamra huma s-Service Concession Agreement, il-Health Service Delivery Agreement u l-Labour Supply Agreement.

Il-Gvern kompla jgħid li Dawn il-kuntratti juru kif VGH huwa marbut li jiżviluppa l-isptarijiet ta’ San Luqa, Karen Grech u ta’ Għawdex għal spiża tiegħu waqt illi l-Gvern ser ikompli jħallas għas-servizz għall-pazjenti Maltin u Għawdxin. Il-kuntratti jikkonfermaw illi waqt li l-infrastruttura, l-apparat mediku u s-servizzi ser ikunu ta’ livell għoli ħafna, is-servizz għall-pazjenti Maltin u Għawdxin ser jibqa’ mingħajr ħlas. Il-kuntratti jobbligaw lill-VGH jibnu sptar ta’ 450 sodda f’Għawdex bi 350 ikunu riżervati għal pazjenti Għawdxin bla ħlas, waqt illi l-mija l-oħra jkunu miftuħa għal turisti mediċi.

F’Għawdex ukoll ser tinbena skola medika għal Barts, ċentru tal-anatomija, ċentru tas-saħħa primarja ġdid, kif ukoll hyperbaric unit u child care centre. L-Isptar Karen Grech ser jiġi żviluppat fi sptar tal-ġerjatrija ta’ 320 sodda għal pazjenti Maltin, waqt illi f’San Luqa ser ikun hemm sptar ta’ rijabilitazzjoni ta’ 120 sodda, ċentru tad-dermatoloġija, skola tan-nurses u ċentru ieħor għat-turiżmu mediku.

Il-Labour Supply Agreement imbagħad jerġa’  jikkonferma li l-ħaddiema f’dawn it-tliet sptarijiet se jibqgħu ħaddiema tal-Gvern, bil-kundizzjonijiet u benefiċċji li għandhom illum. Se jkun  il-Gvern li jinnegozja ftehim kollettiv ġdid għall-istess ħaddiema meta jkun wasal il-waqt. 

Minħabba l-kumplessità tal-proġett u n-numru ta’ obbligazzjonijiet differenti li jridu jiġu onorati miż-żewġ partijiet, ġie maqbul li jkun hemm ħames kumitati li jieħdu ħsieb li l-affarijiet jitmexxew skont il-kuntratti u li jinżammu l-istandards kif maqbul.

Intant il-Partit Nazzjonalista jinnota li 16-il ġimgħa wara li l-Gvern Malti ffirma l-kuntratti tal-privatizzazzjoni tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, l-Ministru Chris Fearne ppubblika siltiet minn dawn il-kuntratti. Madanakollu, l-Gvern ta’ Muscat qed jagħżel li jibqa’ jaħbi 60 paġna minn dawn il-kuntratti - aktar minn 20% - u jżommhom sigrieti.

 

More in Politika